Peppi Azzopardi jikteb lill-PM u jgħid li l-familja tiegħu lesta tilqa' immigranti f'darha

Ix-xandar u preżentatur jappella biex aktar nies jagħmlu l-istess

Peppi Azzopardi
Peppi Azzopardi

Ix-xandar u preżentatur tal-programm Xarabank Peppi Azzopardi qal illi kiteb lill-Prim Minustru biex jgħarrfu li hu lest illi jieħu immigranti f'daru - ladarba jkunu iċċertifikati illi jistgħu jgħixu ma' ħaddieħor. 

"Ejja noffru l-ispazju tagħna," qal Azzopardi li saħaq illi m'għandniex ngħidu li l-immigranti għandhom jintbagħatu lura.  "Jiena kont il-Libja, jiena naf il-Libja xi tfisser, it-tortura li jbatu n-nies hemmhekk.  Rajt nies ġisimhom imkisser u hekk se jerġa jiġrilhom jekk nibgħatuhom lura."

"Nista' nifhem id-diffikultà li nilqgħu aktar immigranti.  Imma ma nistax nifhem kif nistgħu nħalluhom hemm bejn sema u ilma," qal Azzopardi li appella biex aktar familji joffru li jagħtu dan l-ispazju u akkomodazzjoni għal dawn l-immigranti.  "Irid ikollna numru ikbar ta' nies li jaċċettaw biex inkunu nistgħu nilqgħu l-immigranti." 

"Aħsibha u bħala famlja offri din l-ospitalità.  Ejja nieħdu azzjoni, ejja noffru l-ispazju tagħna," temm jgħid Azzopardi.

L-appell tal-preżentatur jiġi wkoll ftit wara li 335 akkademiku appellaw lill-Istati Membri tal-UE biex jiftħu l-portijiet u jaqsmu bejniethom ir-responsabilità għar-refuġjati u l-migranti salvati mill-għarqa.  

More in Politika