'Id-deċiżjoni li jingħalqu l-portijiet tmur kontra l-liġi' - 335 akkademiku jappellaw lill-UE

L-akkademiċi saħqu li filwaqt li jifhmu li l-Istati Membri għandhom sfidi kbar x’jiffaċċjaw f’dan il-waqt diffiċli, fl-istess waqt is-sitwazzjoni ma tiġġustifikax il-ksur tad-drittijiet umani

335 akkademiku tal-Università ta’ Malta u uinversitajiet oħra Ewropej ingħaqdu fi stqarrija fejn qed jappellaw lill-Istati Membri jiftħu l-portijiet u jaqsmu bejniethom ir-responsabilità għar-refuġjati u l-migranti salvati mill-għarqa.

“Ir-refuġjati u l-migranti baqgħu u se jibqgħu jaqsmu l-Baħar Mediterran biex isibu l-kenn. Spiss qed jiġri li r-responsabilità ma tintrefax u d-dgħajjes jitħallew f’nofs ta’ baħar,” saħqet l-istqarrija.

L-akkademiċi saħqu li filwaqt li jifhmu li l-Istati Membri għandhom sfidi kbar x’jiffaċċjaw f’dan il-waqt diffiċli, fl-istess waqt is-sitwazzjoni ma tiġġustifikax il-ksur tad-drittijiet umani. 

“Id-deċiżjoni li jingħalqu l-portijiet tmur kontra l-liġi. Nikkundannaw in-nuqqas ta’ solidarjetà fost l-Istati Membri biex nirrispettaw l-obbligi morali u legali kollettivi,” saħqu l-akkademiċi.

L-istqarrija temmet tapella lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex minnufih jiftħu l-portijiet għall-iżbark tar-refuġjati u l-migranti, u li flimkien jerfgħu r-responsabilità lejhom. 

“Irridu naġixxu fil-pront ħalli ħadd ma jitlef ħajtu għal xejn b’xejn,” saħqu.

Aqra wkoll:

Downloadable Files

More in Politika