Min ser ibati mill-vot lill-indipendenti

Norman Lowell iktar se jixrob voti mill-PL, filwaqt li Arnold Cassola, Sandra Gauci, Edwin Vassallo u Simon Mercieca se jixorbu aktar voti mill-PN 

Grafika ta' Marianna Calleja
Grafika ta' Marianna Calleja

Hemm biża’ kbir mill-partiti l-kbar bil-vot ta’ protesta kontrihom. L-ikbar biża’ ġej minn dawk li se jivvutaw għal Norman Lowell. Lowell, apparti li huwa l-Kap tal-Imperium Ewropa, huwa vokali kontra l-migranti u l-barranin. Magħruf bħala razzista, apoloġista ta’ Hitler, omofobiku u kattiv fid-diskors kontra l-migranti u l-ġurnalisti. Iżda d-diskors jattira mhux ħażin faxxa ta’ votanti Laburisti u Nazzjonalisti. Għax bid-diskors tiegħu huma jaqblu li l-barranin qed jieħdu post il-Maltin. 

Iktar jidher li se jkun hemm Laburisti li jivvutaw għal Lowell, minħabba raġunijiet demografiċi. Hemm il-fattur ukoll tan-nies li baqgħu leali għal Joseph Muscat li jistgħu jew ma jivvutawx, jew jivvutaw Labour, jew inkella jipprotestaw bil-vot, u jtuh lil xi ħadd bħal Lowell. 

Is-sehem kbir ta’ indipendenti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huwa indikazzjoni ta’ aktar parteċipazzjoni imma hija inkwetanti għall-PL u l-PN. 

L-Imperium Ewropa huwa partit tal-lemin estrem li primarjament jitkellem kontra l-mod kif Malta qed tispiċċa l-pajjiż ta’ eluf ta’ barranin. Lowell jitkellem ukoll fuq il-ħtieġa li n-nisa Maltin jirritornaw id-dar u jservu ta’ ommijiet u li jwelldu aktar tfal. U jikkwota l-politika ta’ Hitler f’dan ir-rigward. 

Il-Partit ADPD huwa bla dubju l-grupp proambjentali. Ħafna mis-segwaċi huma għal żmien twil persuni li dejjem ivvutaw għall-Alternattiva, imma dawn ħafna drabi huma aktar Nazzjonalisti milli Laburisti. Hemm dubju kbir kemm l-ADPD se jkun effettiv f’dawn l-elezzjonijiet, imma ċertament iktar hemm ċans li jieħdu mill-votanti Nazzjonalisti. 

Fost il-kandidati l-oħra l-iktar wieħed prominenti huwa Arnold Cassola li kien assoċjat mal-AD (issa ADPD) iżda telaq għax ma qabilx mal-pożizzjoni dwar l-abort. Mill-kandidati kollha barra l-partiti l-kbar, huwa l-iktar wieħed effettiv u magħruf. Imma l-bażi tiegħu hija fost in-Nazzjonalisti li mhux qed jaraw tama ma’ Bernard Grech u jridu politika bil-bajd. 

Imbgħad hemm lista twila ta’ indipendenti. Minn eks deputati Nazzjonalisti bħal Edwin Vassallo li huma konservattivi u stranament jikkritika lill-PN li huwa liberali. Il-blogger Simon Mercieca, li kien jappoġġja Adrian Delia l-Eks Kap tal-PN u llum huwa magħruf l-aktar għall-blogg tiegħu fejn jikteb b’mod dirett ħafna drabi mingħajr il-fatti kollha.  

Hemm ukoll ABBA u Volt. ABBA, rappreżentat minn Ivan Grech Mintoff, ipinġi lilu nnifsu bħala kristjan u patrijott Malti. 

Fl-aħħar iżda mhux l-aħħar hemm il-personalitajiet l-oħra, il-kummidjanti u t-Tiktokers, u oħrajn xprunati minn teoriji bħal kontra l-vaċċin tal-COVID. 

Dawn tal-aħħar aktarx iktar jieħdu voti mill-kamp Nazzjonalista milli mill-kamp Laburista. 

More in Politika