AĠĠORNAT: Chris Fearne jirriżenja mill-Kabinett

Chris Fearne jagħti r-riżenja tiegħu u jitlob tiġi irtirata n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew • Abela jitolbu jikkunsidra waqt li Grech jgħid li dan huwa proċess irriversibbli li għandu jsir

F’ittra lill-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru u Ministru Chris Fearne ta r-riżenja tiegħu wara akkużi maħruġha fil-konfront tiegħu fl-aħħar jiem.

Minkejja li stqarr li għadu ma jafx formalment x’akkużi se jaffaċċja, Fearne talab biex tiġi irtirata n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew.

“Billi jidher li dan il-proċess se jieħu fit-tul, mhux possibbli għalija li nibqa’ nistenna. Il-pajjiż, inkluż l-istituzzjonijiet demokratiċi u Ewropej tiegħi, ma jixirqilhom xejn inqas,” qal Fearne.

Huwa sostna li din ir-riżenja mhux għax għandu dubju mill-innoċenza tiegħu, iżda għax iħoss li dan hu l-aħjar li jsir.

 “Il-ġenituri tiegħi minn tfuliti għallmuni nagħmel is-sewwa f’kull waqt u ċirkostanza. Hekk dejjem għamilt u hekk ser nerġa nagħmel. Ir-rettezza politika, l-istituzzjonijiet tal-pajjiż Ewropew u demokratiku, il-ġurament li ħadt ta’ ministru tal-Gvern u lealtà lejn il-Partit li tajt ħajti għalih hekk jitolbu ukoll," Fearne żied jgħid.

‘Parti sostanzjali tal-verità diġa ħarġet’

Fl-istess ittra, Fearne ifakkar f’sejbiet tal-investigazzjoniji nazzjonali tal-NAO, li kienu sabuh innoċenti.

Chris Fearne u Konrad Mizzi
Chris Fearne u Konrad Mizzi

Fearne kien Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, taħt Konrad Mizzi, meta l-ftehim tal-isptarijiet ġie konkluż ma’ Vitals Global Healthcare fl-2015 u aktar tard Ministru għas-Saħħa meta l-konċessjoni ġiet trasferita lil Steward Health Care fl-2018.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kien ikkummenta fit-tielet rapport tiegħu dwar il-ftehim tal-isptarijiet is-sena l-oħra li Mizzi kkonkluda ftehimiet sekondarji ma’ Steward Health Care wara l-2018 minn wara dahar Fearne.

Mizzi kien l-interlokutur magħżul mill-gvern ma’ Steward u l-NAO akkużah li qarraq bil-Kabinett fuq garanzija mogħtija lill-kumpanija Amerikana li jitħallsu €100 miljun jekk il-qrati jirrevokaw il-ftehim.

Dak li kien irraporta s-sit ILLUM

L-ILLUM kien irraportat kif Fearne kien qal lill-kolleggi tiegħu fil-Grupp Parlamentari Laburista li huwa lest jirriżenja jekk jiġi mitlub.

Skont sorsi, b’dieqa, Chris Fearne qal li kien diġà semgħa kif ismu qed jidher fil-konklużjonijiet tal-Inkjesta Vitals. Minħabba f’hekk hu lest li jirriżenja, jekk hu jiġi mitlub.

@illum_mt Il-Prim Ministru Robert Abela mhux se jaċċetta riżenji minn membri tal-Kabinett, imsemmija fil-kawża tal-Vitals, jekk jemmen li l-allegazzjonijiet kontrijhom m’għandhomx bażi. Il-kumment ta’ Abela ġie wara li l-ILLUM irraportat kif d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal lill-Grupp Parlamentari Laburista li huwa lest jirriżenja jekk jiġi mitlub. Aqra aktar fuq www.illum.com.mt #partitlaburista #politika #maltatiktok #fypmalta #robertabela ♬ original sound - ILLUM

Kummenti lill-Maltatoday, ġurnata wara, il-Prim Ministru Robert Abela kien qal li hu mhux se jaċċetta riżenji jekk ma jemminx li vera seħħ reat mill-persuni kkonċernati.

Robert Abela jitolbu jikkonsidra

Fir-risposta tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li huwa dejjem sab lil Chris Fearne bħala spalla, speċjalment f'mumenti mill-iktar diffiċli.

“Fl-aktar mumenti iebsa għal pajjiżna, mhux biss sibtek ta’ spalla iżda l-pajjiż ibbenefika bil-kbir mill-kapaċitajiet tiegħek. Dan kien innutat ukoll fuq livell internazzjonali”, Abela kiteb.

Kien għalhekk li talbu jirrikunsidra d-deċiżjoni tiegħu li ma jibqax Deputat Prim Ministru. Huwa temm itenni fiduċja fi Chris Fearne.

Bernard Grech: 'Dan huwa proċess irriversabbli'

Jirreaġixxi għall-aħħar ċaqliq politiku, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li r-riżenja ta’ Fearne hi prova ta’ kemm Robert Abela huwa “mhedi biss biex isalva ġildu.”

“Dan huwa proċess irriversibbli li għandu jsir, u Robert Abela jagħmel ħażin li jipprova jwaqqfu,” Grech saħaq.

Il-Kap tal-PN qal li l-obbligu ta’ Abela issa hu li jneħħi lil Edward Scicluna minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali u fin-nuqqas ta’ dan Edward Scicluna għandu jitlaq minn jeddu.

Skont Grech, Abela għandu wkoll obbligu li jneħħi lil Ronald Mizzi min Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, u fin-nuqqas ta’ dan għandu jitlaq minn jeddu.

“Kull min hu akkużat f’dan il-każ u jokkupa kwalunkwe kariga pubblika għandu jirriżenja jew jitneħħa,” Grech kompla jgħid.

Huwa temm jenfasizza l-importanza li tiġi ppublikata l-inkjesta Maġisterjali, ħalli l-poplu jkun jaf il-verità kollha.

“Dan huwa l-mument tal-verità.”

More in Politika