'Pajjiż b'popolazzjoni ta' belt Ewropea żgħira ma jistax jitħalla waħdu f'nofs pandemija'

Malta qed tipproponi missjoni umanitarja mill-UE fil-Libja biex ikunu evitati traġedji fil-Mediterran

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Ewropej, Evarist Bartolo appella lill-Unjoni Ewropea, li fi kliemu qed tiffaċċja "kriżi eżistenzjali" biex taġġixxi u ma tħallix lil Malta waħedha, tiffaċċja kriżi oħra umanitarja, fi żmien meta bħall-bqija tal-pajjiżi qed tiġġieled ukoll kontra pandemija.

Bartolo qal dan f'messaġġ lin-nazzjon li xxandar fuq Facebook u li fih spjega kif minħabba l-pandemija tal-Covid-19, qed tiddetterjora wkoll is-sitwazzjoni f'kampijiet tad-detenzjoni fil-Libja u li fi kliemu huma ppakkjati b'mijiet ta' eluf ta' immigranti. Fil-fatt, uħud mill-kampijiet, qed iħallu lill-immigranti jitilqu għax mhux ilaħħqu u s-sitwazzjoni fihom sejra mill-ħażin għall-agħar.

Fi kliem il-Ministru, hemm "l-ingredjenti kollha biex iseħħ diżastru umanitarju maġġuri," hekk kif għal dawn il-persuni, vittmi ta' persekuzzjoni, il-Mediterran huwa l-aħħar tama tagħhom.

Dan qed iseħħ fi żmien meta l-Italja u anke Malta għalqu l-portijiet tagħhom, anke għax ir-riżorsi tagħhom, kemm mediċi u anke ta' sigurtà huma ffukkati kollha kemm huma fuq it-trattament u l-konteniment tal-pandemija tal-Covid-19.

Għalhekk, Malta qed tipproponi missjoni umanitarja mill-Unjoni Ewropea, liema missjoni tfisser pakkett ta' €100 miljun għax xiri ta' ikel, mediċina u apparat mediku biex tassisti lil-Libja, partikolarment għal dawn il-kampijiet ta' detenzjoni.

Fi kliemu, dan ikun qed joffri inċentiv lill-immigranti biex jibqgħu l-Libja u anke jnaqqas mill-abbuż tat-traffikanti li qed jieħdu l-opportunità minn din il-kriżi li qed tinħoloq fil-Libja.

"Malta salvat eluf ta' nies u għamlet ħafna aktar mill-obbligi legali tagħha," saħaq il-Ministru waqt li insista li pajjiż b'popolazjzoni ta' belt Ewropea żgħira ma jistax jitħalla jsolvi kriżi waħdu f'nofs pandemija.

"L-Assistenza trid tkun imminenti u sostanzjali," insista l-Ministru waqt li saħaq li l-Istati kollha membri tal-Unjoni Ewropea jridu jerfgħu parti mill-piż. 

Fi kliemu, jekk Malta titħalla waħedha, se jmutu n-nies, fosthom tfal, nisa tqal u anke vittmi ta' stupru.

Insista li Malta lesta tagħmel il-parti tagħha biex tassigura li l-għajnuna tasal fil-Libja u anke lesta tassisti fix-xiri ta' apparat mediku għal dawn il-kampijiet.

Aqra wkoll:

More in Politika