Il-Ministeru għal Għawdex jibqa' ma jweġibx dwar kemm qed jiswa kuljum il-vapur Nikolaus
Għall-mistoqsija tad-Deputat Chris Said, il-Ministru lanqas ma qal meta se jkun qed jinġieb vapur ġdid

More in Politika
Għall-mistoqsija tad-Deputat Chris Said, il-Ministru lanqas ma qal meta se jkun qed jinġieb vapur ġdid
Il-Ministeru għal Għawdex għadu sieket dwar ir-raba’ vapur tal-Gozo Channel, Nikolaus, liema vapur, anke jekk fisser inqas kjuwijiet, ħadd ma jaf għal kemm żmien inkera u kemm qed tħallas kumpanija il-Gozo Channel biex iżommu.
Kien id-Deputat Nazzjonalista Chris Said li għal darb’oħra, fil-Parlament staqsa lill-Ministru ġdid għal Għawdex, Clint Camilleri, biex iwieġeb il-mistoqsijiet dwar dan il-vapur.
Said għamel dawn il-mistoqsijiet:
· X’inhu l-pjan tal-Ministeru għal Għawdex u l-kumpanija Gozo Channel fuq ir-raba' vapur MV Nikolaus?
· Meta nkera l-ewwel darba dan l-vapur u għal kemm żmien kien inkera?
· Kemm tħallas kuljum għall-kiri ta' dan il-vapur fl-ewwel perjodu tal-kirja?
· Meta ġiet imġedda l-kirja u għal kemm żmien? Meta tintemm il-kirja eżistenti ta' dan il-vapur?
· Kemm qed jitħallas kuljum fil-preżent għall-kiri ta' dan il-vapur?
· Meta hu ppjanat li l-kumpanija Gozo Channel iġġib vapur ġdid flok l-MV Nikolaus li huwa vapur antik u li mhux aċċessibbli?
· Meta sar xogħol fuq is-side ramp għal dan il-vapur, min ħallas għalih u kemm sewa dan ix-xogħol?
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru qal biss li l-Ministeru mmexxi minnu se jkompli bl-impenn tiegħu li jagħti l-aħjar servizz ta’ konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.
“Il-vapur Nikolaous żdied mal-flotta tal-Gozo Channel fis-7 ta’ Ġunju 2019. Iż-żieda tar-raba vapur intlaqgħet tajjeb minn kull min uża s-servizz,” kienet it-tweġiba tal-Ministru.