Filmat | Robert Abela jisħaq li l-uniku skop li fadlilhom il-protesti hija l-provokazzjoni

Abela jisħaq li mhux se jittollera lil min ikisser u jfarrak lill-pajjiż

Robert Abela, wieħed mill-kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista qal li l-uniku skop li għad fadlilhom il-protesti li qed isiru, hija l-provokazzjoni.

Abela qal dan waqt il-programm Kalamita fejn insista li jekk ikun elett Mexxej tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru mhux se jittollera lil min ikisser u jfarrak lill-pajjiż.

“Jien nittolera protesti paċifiċi imma mhux se nittollera lil ħadd li jkisser u jfarrak lill-pajjiżi ... iridu jiftakru wkoll li jekk se jkissru u jfarrku u jirnexxielhom, huma stess se jirtu pajjiż imfarrak. Imbagħad se jirtu pajjiż bi problema li ħolqu huma stess, u jridu jaraw huma kif se jsolvuha,” qal Abela.

Kien hawn li saħaq li l-protesti ma fadlilhom l-ebda għan ieħor għajr il-provokazzjoni.

Abela jwissi: “Jekk xi ħadd minnha jagħmel l-iċken żball ... min qed jipprotesta jkun għamel l-akbar rebħa li wieħed jista’ jirbaħ,” qal Abela.

Robert Abela saħaq li hemm bidliet li jridu jsiru iżda dawn ma jistgħux isiru mil-lum għall-għada.

“Isiru. Iżda l-ewwel prijorità li trid teħodna għall-bidliet li hemm bżonn isiru hija l-għaqda ... l-għaqda fil-Grupp Parlamentari,” insista Abela.

Anke jekk uħud diġà ħarġu beraħ jisħqu li se jikkampanjaw favur Chris Fearne, Abela insista li hu għandu relazzjoni “eċċellenti” mad-Deputati kollha tal-Partit Laburista. 

Roberta Metsola twieġbu:

Il-kumment ta' Abela ma tantx niżel tajjeb mal-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, Roberta Metsola li insistiet li l-provokazzjoni mhumiex il-protesti.

"Il-provokazzjoni hija l-assassinju tal-kritiċi tiegħek, li tħalli lill-mafja tirbaħ, li tipproteġi l-kriminali għal snin," insistiet Metsola.

Kompliet tisħaq li anke li wieħed jibgħat l-armata biex jikkontrollaw ftit attivisti, fost oħrajn, hija provokazzjoni.

More in Politika