Riforma fis-servizzi respite għall-familji li jieħdu ħsieb l-anzjani tagħhom fid-dar

Anthony Agius Decelis jgħid li se jsir aktar investiment fi skemi biex jgħinu l-anzjani

Renzo De Gabriele u Anthony Agius Decelis
Renzo De Gabriele u Anthony Agius Decelis

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis ħabbar riforma fis-servizz respite għall-familji li jieħdu ħsieb l-anzjani qraba tagħhom f’darhom stess.

Anthony Agius Decelis qal li b’investiment ta’ €500,000 fis-sena l-gvern ikun jista jagħmel is-servizz iktar flessibbli biex skontu, itaffi t-tbatija tal-familji li jieħdu ħsieb l-anzjani u jkollhom bżonn għajnuna ta’ carer professjonali.  Decelis qal li dan kien għal meta “għal diversi raġunijiet, bħal żjarat l-isptar jew xi sfidi oħra, ikollhom bżonn l-għajnuna fil-kura tal-anzjani li jgħixu magħhom”. Żied jgħid li s-servizz ta’ respite jingħata wkoll meta min qed jieħu ħsieb l-anzjani fid-djar ikollu bżonn il-mistrieħ.

Spjega wkoll li r-riforma bdiet titħaddem minn Ottubru li għadda bi twessigħ tas-servizzi, fejn minbarra li għadhom fis-seħħ l-iskemi preżenti, persuna li tieħu ħsieb anzjan jew anzjana fid-dar tagħha tista’ tibbenifika minn ġurnata fil-ġimgħa bil-għajuna ta’ carer bla ħlas fid-dar jew inkella żewġ nofstanhari fil-ġimgħa. Qal li "dan se jfisser li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed jipprovdi 504 siegħa servizz ta’ carer bla ħlas fis-sena lil dawk il-familji li jkollhom bżonn”. Ħabbar li filwaqt li s-sena li għaddiet kien hemm 228 familja li użaw is-servizz ta’ respite, din is-sena dan tela’ għal 283 familja, tant kemm is-servizz kien wieħed ta’ suċċess.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal ukoll li “din ir-riforma fis-servizz ta’ respite għall-familji li jieħdu ħsieb l-anzjani hi turija oħra kemm dan il-gvern ma jħalli lil ħadd jaqa’ lura u wara li jisma’ mingħand in-nies jimplimenta inizjattivi biex itejjeb il-ħajja tal-familji”. Żied ukoll li “s-suġġerimenti li jaslu mingħand il-familji jiġu indirizzati għax il-gvern verament jimpurtah mill-anzjani tagħna”.     

Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo De Gabriele qal li s-servizz ta’ respite jiġi pprovdut għall-familji li jieħdu ħsieb anzjani minn sittin sena ’l fuq u li huma dipendenti fuqhom, fosthom minħabba dimensja jew problemi oħra ta’ saħħa. De Gabriele ikkonkluda billi qal li “min għandu bżonn dan is-servizz irid japplika tliet ġimgħat minn qabel biex isir l-assessjar tal-każ ħalli l-kura tingħata kif meħtieġ”.

More in Politika