Robert Abela, iben George Abela u r-raġel ta' Lydia Abela li hija President tal-Kumitat Eżekuttiv Laburista ħabbar illi se jkun fit-tiġrija għal Mexxej Laburista ġdid.
F'messaġġ fuq Facebook huwa sostna li bl-imħabba tal-poplu u l-appoġġ tal-familja warajh, "b'umiltà nwieġeb iva għas-sejħa qawwija tan-nies li nitfa' n-nomina tiegħi għall-ħatra ta' Mexxej tal-Partit Laburista."
"Flimkien se nżommu ħajja l-fjamma li tagħmilna kburin b'pajjiżna u bil-Partit Laburista," temm jgħid Abela.
Abela bħalissa jokkupa l-kariga ta' konsulent fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u ġej minn familja marbuta u sinonima mal-Partit Laburista. Fil-fatt missier Robert huwa l-President Emeritus George Abela li kien fit-tiġrija għat-tmexxija tal-Partit Laburista wkoll fl-2008, liema tiġrija kien rebaħ Joseph Muscat.
It-tħabbira ta' Abela tiġi ftit sigħat wara li Fearne ħabbar li anke hu se jikkontesta din il-kariga, aħbar li wasslet għall-approvazzjoni ta' ħafna mill-membri tal-kabinett, anke ta' Konrad Mizzi.
L-ewwel biex jagħti appoġġ lil Abela kien is-Segretarju Parlamentari Aron Farrugia li sostna illi dan hu l-mument li kulħadd jingħaqad għall--ġid tal-partit u rringrazzjah talli tefa' ismu għat-tmexxija tal-partit. Anke s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli sostniet illi Robert huwa bniedem sod, kompost u b'ghajn analitika.
"Kwalitajiet tajbin ghal mexxej," sostniet Farrugia Portelli.