Apparti l-front lokali jidher li qiegħda ssir pressjoni kbira ħafna minn diversi bnadi fl-Unjoni Ewropea hekk kif bħalissa hawn delegazzjoni ta' MEPs mill-Kumitat LIBE. Sorsi li tkellmu ma' dan is-sit qalu illi l-pressjoni qed tkompli tiżdied hekk kif Muscat mistenni jitla' Brussell għal laqgħa tal-Kunsill Ewropew bejn it-12 u 13 ta' Diċembru
Imma mhux biss, qed tissemma' dejjem b'aktar qawwa l-possibilità li jiskatta Artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Jekk jiskatta dan l-artiklu pajjiżna jiġi sanzjonat għax ikun kiser wieħed mill-valuri tal-Unjoni Ewropea u allura r-rispett lejn id-dinjità umana, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, is-saltna tad-dritt u/jew ir-rispett lejn id-drittijiet umani skont kif artikolati fl-istess trattat.
Jekk jiskatta dan il-proċess Malta tista' tara wieħed jew uħud mid-drittijiet tagħha sospiżi, fosthom id-dritt tal-vot.
Il-proċedura hija din, fi ftit kliem. L-ewwel issir proposta mill-Parlament Ewropew fejn tgħaddi b'maġġoranza sempliċi, il-Kummissjoni Ewropea jew inkella minn terz tal-istati membri.
Il-Kunsill Ewropew imbagħad jrid jiddetermina jekk l-istat verament kienx qed jikser l-valuri msemmijin u jadotta proposta. Din il-proposta jrid ikollha l-appoġġ tal-Parlament Ewropew,.
It-tieni fażi tara lill-Kunsill jagħti twissija formali bl-istati membri jiddeċiedu jekk jibdewx sanzjonijiet jew le. Din id-deċiżjoni trid tittieħed b'unanimità.
Minkejja dan, ix-xenarju li qed insemmu huwa l-aktar wieħed estrem hekk kif il-Kunsill Ewropew kien ivvota biss darba biex jiskatta dan l-Artiklu kontra l-Polonja fuq ħatriet tal-ġudikatura. Dan filwaqt li l-Parlament Ewropew kien talab li dan isir kontra l-Ungerija wkoll fuq nuqqasijiet fis-saltna tad-dritt f'dan il-pajjiż.
Il-Kummissarju Ewropew Ursula Von Der Leyen esprimiet tħassib dwar is-sitwazzjoni f'Malta u appellat lill-Gvern biex jassigura li dawk kollha li huma wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia jiffaċċjaw il-ġustizzja.
Hi qalet illi l-Kummissjoni qegħda tissorvelja s-sitwazzjoni mill-qrib.
Sorsi li tkellmu ma' dan is-sit ikkonfermaw il-possibilità li jiskatta Artiklu 7 kontra Malta ssemmiet mal-Prim Ministru lbieraħ waqt il-laqgħa li kellu mad-delegazzjoni ta' MEPs..