Il-PE japprova l-liġi mmexxija mill-MEP Metsola dwar is-sigurtà tad-dokumenti ta' identità

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN, issa se tmexxi n-negozjati mal-Istati Membri kollha fil-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar din il-liġi

Roberta Metsola
Roberta Metsola

Illum il-Membri tal-Parlament Ewropew approvaw bis-sħiħ abbozz ta’ liġi Ewropea ġdida dwar is-sigurtà tad-dokumenti ta' identità immexxija mill-MPE Maltija Roberta Metsola.

 Dan il-vot ittieħed illum wara ġimgħat ta’ negozjati mal-gruppi politiċi kollha.

L-ewroparlamentari Roberta Metsola, li hija r-Rapporteur tal-Parlament Ewropew dwar din il-liġi l-ġdida, qalet: “Irridu nsibu l-għodod użati min-netwerks kriminali li jisfruttaw dawk vulnerabbli u jimminaw is-sigurtà tal-fruntieri tagħna. Il-frodi tad-dokumenti ddgħajjef is-sigurtà interna taż-żona Schengen peress li hi żona mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interna. Il-liġi l-ġdida tindirizza speċifikament din l-isfida billi tiżgura kooperazzjoni msaħħa mill-Istati Membri tal-UE u l-istati msieħba dwar dokumenti awtentiċi u foloz. Fl-aħħar dan jiggarantixxi s-sigurtà tal-fruntieri esterni tagħna u taċ-ċittadini tagħna. "

Metsola, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN, issa se tmexxi n-negozjati mal-Istati Membri kollha fil-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar din il-liġi. Hi għandha l-għan li tiffinalizza din il-liġi sal-aħħar tas-sena.

Il-liġi l-ġdida se tgħin aħjar lill-Istati Membri tal-UE u lill-istati msieħba fis-sejba u l-identifikazzjoni ta’ dokumenti foloz permezz ta' assistenza f’ħin reali pprovduta mill-Frontex.

Ladarba tiġi approvata, il-liġi tikkonkludi r-riforma tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Roberta Metsola kienet ukoll ir-Rapporteur tal-Parlament dwar din il-liġi li se ddaħħal 10,000 gwardja tal-fruntiera u tal-kosta ġodda u li se jkollhom is-setgħa li jiġġieldu l-kriminalità transkonfinali u jaħdmu fuq każi ta’ nies li mhumiex eliġibbli li jaqsmu l-fruntieri tal-UE.

More in Politika