'Irridu nassiguraw dawn il-fondi Ewropej biex inkomplu ninvestu u nikbru aktar' jisħaq il-PM

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ fondi Ewropej, se nkomplu nħarsu l-interess nazzjonali jgħid il-Prim Ministru

Waqt li kien qed jattendi għal-laqgħa Friends of Cohesion fi Praga, ir-Repubblika Ċeka, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li f’dak li għandu x’jaqsam ma’ fondi Ewropej, bħala pajjiż se nkomplu naħdmu biex ikun imħares l-interess nazzjonali.

Muscat tenna li huwa jistenna li l-baġit Ewropew li jmiss ikun wieħed sensibbli u li jindirizza l-prijoritajiet tal-istess Unjoni Ewropea.

“Filwaqt li bħala pajjiż mexjin fid-direzzjoni t-tajba f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekonomija u l-impjiegi, xorta waħda rridu nassiguraw dawn il-fondi Ewropej biex inkomplu ninvestu u nikbru aktar”, saħaq Dr Muscat.

Il-Prim Ministru saħaq li pajjiżna għandu argumenti sodi fuq l-għoti tal-fondi Ewropej u huwa jinsab konvint li se naslu mhux biss għax inkunu vuċi waħda mal-grupp tal-pajjiżi tal-Friends of Cohesion, iżda wkoll għax nirsistu u naħdmu bħala pajjiż.

 Muscat spjega kif il-baġit Ewropew se jkun qed jonqos bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea iżda m’għandhomx ikunu dawk l-istati membri li l-aktar li għandhom bżonn ikomplu bl-investimenti, li jsofru.

Fl-aħħar nett il-Prim Ministru wera l-ottimiżmu tiegħu għal baġit Ewropew li se jkun wieħed ta’ sens komun u sensibbli lejn dak li għandhom bżonn il-pajjiżi membri.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qed jakkumpanja lill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt dan is-summit.

More in Politika