It-tmexxija taċ-ċentru miftuħ kienet irreżistiet il-preżenza tal-Pulizija

Fid-dawl tal-irvell f’Ħal Far, it-trade unjonista Camilleri jappella għal aktar rispett u kawtela fuq kummenti li l-Maltin jagħmlu dwar l-immigranti fuq il-midja soċjali

L-amministrazzjoni preċedenti taċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far kienet irreżistiet talbiet tal-General Workers’ Union (GWU) biex fiċ-ċentru jkun hemm preżenza tal-Pulizija. Fil-fatt kien biss wara tilwima industrijali li rreġistrat l-istess unjin li l-amministrazzjoni aċċettat din it-talba. Żvela dan mal-ILLUM l-eks uffiċjal tal-GWU Jeremy J Camilleri, f’mistoqsijiet dwar l-irvell li seħħ bejn il-Ħadd u t-Tnejn li għaddew. 

Camilleri huwa voċiferu ħafna fuq diversi kwistjonijiet, imma b’mod speċjali fuq l-immigrazzjoni.  

Ma’ din il-gazzetta, Camilleri kien sostna illi t-tmexxija kienet qed iġib l-iskuża tal-finanzi biex ma jitqabbdux pulizija. Fil-fatt, Camilleri jgħid li pulizija kienu stazzjonati hemmhekk ġimagħtejn biss, qabel tneħħew, xi ħaġa li wasslet għat-tilwima. 

“Niftakar li meta kont nirrappreżenta l-ħaddiema tal-AWAS kellna nagħmlu ġlieda biex ikun hemm Pulizija preżenti fuq il-post. Dak iż-żmien, l-amministrazzjoni, kienet argumentat li ‘wisq għoli’ biex ‘jikru’ Pulizija u jkun preżenti fiċ-Ċentru,” qal Camilleri.

​Camilleri kien jirrappreżenta l-ħaddiema fil-kapaċità tiegħu ta’ Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi fil-General Workers’ Union. Huwa qal ukoll li kien hemm l-istess ġlieda biex dak iċ-ċentru jingħalaq. “Qabel kien miftuħ u jidħlu nies li mhumiex residenti hemmhekk u joħolqu inkwiet mar-residenti l-oħra li huma kwieti u qatt ma jaqilgħu inkwiet.”

It-Tnejn illi għadda, ammont kbir ta' pulizija armati, daħlu fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far fejn seħħet ir-rewwixta matul il-lejl tal-Ħadd li għadda. Il-Pulizija arrestaw ’il fuq minn 100 persuna. Eventwalment mal-100 persuna tressqu l-Qorti akkużati b’pataflun ta’ akkużi fosthom li għamlu ħsara kriminali, ma obdewx l-istruzzjonijiet tal-Pulizija u li kisru l-paċi pubblika. Uħud minnhom inżammu taħt arrest filwaqt li oħrajn li wieġbu ħatja ntbagħtu sitt ġimgħat ħabs.

Jiem wara l-GWU u l-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ltaqgħu biex jiddiskutu l-inċidenti li seħħew u qablu fuq il-ħtieġa ta’ aktar sigurtà għall-ħaddiema tal-AWAS kif ukoll għall-istess residenti fiċ-ċentri operati mill-istess aġenzija. Iż-żewġ naħat qalu li se jibqgħu f’komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan it-titjib.

Jeremy Camilleri
Jeremy Camilleri

‘Din mhix kwisjtoni ta' immigranti … Maltin f’dawk il-kundizzjonijiet l-istess kienu jagħmlu’

Madanakollu, mal-ILLUM Camilleri jgħid li ċ-ċentru miftuħ ilu mwaqqaf 10 snin sħaħ u qatt ma kien hemm problemi bħall-irvell vjolenti tat-Tnejn li għadda. 

“Il-problema u l-paniku li qajjem dak li kien fis-sakra ġejja mill-fatt li għandek konċentrazzjoni ta’ nies bi sfond kulturali differenti kollha f’post wieħed u f’kundizzjonijiet li mhumiex l-aħjar.”

Żied jgħid li din mhix kwistjoni ta’ immigranti għaliex kieku l-persuni li jgħixu ġoċ-Ċentru Miftuħ kienu Maltin, xorta kien ikun hemm tensjoni simili.

Apparti minn dan, mal-ILLUM Camilleri saħaq li l-kummenti ta’ mibegħda fuq il-midja soċjali qed jaffetwaw it-tensjonijiet fil-pajjiż.

Camilleri spjega li l-idea li l-immigranti jinsabu msakkrin u maqtugħin mir-reazzjonijiet tagħna tal-midja soċjali ‘hi żbaljata’. 

“Dan hu Ċentru Miftuħ u mhux Ċentru tad-Detenzjoni. L-immigranti mhumiex imsakkrin hemmhekk u ma jgħixux ġo bozza, għalhekk il-kummenti ta’ mibegħda li qed isiru fuq il-midja soċjali qed ikomplu jżidu t-tensjoni.”

Żied jgħid li, “għandek immigranti li qatt m’għamlu xejn u qed jaqraw li rridu naħarquhom u nisparawlhom. Ma rridux ninsew li xahrejn ilu nqatel persuna li qatt m’għamel xejn, la qatt ipparteċipa fl-irvellijiet, iżda xorta nqatel. Il-maġġoranza assoluta tagħhom huma nies kwieti u jridu jgħixu fil-paċi,” sostna Camilleri.

Ta’ min jinnota li din il-ġimgħa twaqqfet taqsima li se tiġġieled l-atti kriminali relatati mal-mibegħda. Minkejja kollox din it-taqsima mhix se tkun qed tiffoka fuq il-midja soċjali, fejn fil-fatt qed isiru ħafna minn dawn il-kummenti vili. Apparti minn dan, fid-diskors Parlamentari tiegħu għar-replika tal-Baġit, il-Prim Ministru Joseph Muscat, għamel aċċenn partikolari għall-istess argument ta’ kliem ta’ mibegħda filwaqt li appella sabiex l-irvell ma jintużax bħala arma li tamplifika l-vuċi tal-politika estrema f’pajjiżna.

More in Politika