Delia jisħaq li 'l-Partit Nazzjonalista huwa l-vuċi tal-ġenerazzjonijiet futuri'

Delia jappella lill-Prim Ministru Joseph Muscat jieħu l-passi kontra dawn it-tliet Ministri.

F'intervista fuq NET FM, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li l-Partit Nazzjonalista huwa l-vuċi tal-ġenerazzjonijiet futuri.

"Ressaqna f'isem il-ġenerazzjoni żgħażugħa t-talba tagħhom sabiex jiġi ddikjarat stat ta' emerġenza tal-klima. Il-Gvern Laburista iżda poġġa l-politika partiġġjana qabel il-futur taż-żgħażagħ tagħna u b'hekk spiċċa biex qatel it-tama tagħhom għal ambjent aktar nadif għal saħħithom," ilmenta Delia.

Żied jgħid li l-PN se jibqa' fuq in-naħa tal-ġenerazzjonijiet futuri. "Se ninsisti għal emerġenza tal-klima għaliex jekk ma jiġrix hekk inkunu qegħdin ngħaddsu rasna fir-ramel u nkunu irresponsabbli għall-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijet futuri."

Skontu l-Oppożizzjoni trid li tiġi ddikjarata emerġenza dwar it-tibdil tal-klima biex ikollna liġijiet li l-pajjiż irid josserva għax ikun hawn stat ta' emerġenza.

Delia tkellem ukoll dwar il-kawża li fetaħ lill-Avukat Ġenerali dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport Egrant. Din il-ġimgħa il-Qorti Kostituzzjonali ordnat biex il-Ministri Chris Cardona, Konrad Mizzi u Edward Scicluna jippreżentaw kopja tar-risposta li kienu taw fil-proċeduri tal-Qorti tal-Maġistrati iktar kmieni din is-sena, li fiha kienu kkwotaw biċċiet mir-rapport.

Fuq din Delia qal li "il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li t-tliet Ministri huma suspettati li kisru l-liġi kriminali u għalhekk biss ma jistgħux jiġu mġegħla li jixhdu. Għalhekk huwa appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat jieħu l-passi kontra dawn it-tliet Ministri.

 

 

More in Politika