Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta, Andrew Beane saħaq li l-aħbar li ħarġet illum mhijiex dwar fergħat li se jkunu qed jagħlqu iżda aktar dwar investiment li l-HSBC se jkun qed jagħmel f’Malta biex iħares lejn il-futur.
Beane qal dan meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-MaltaToday wara li dalgħodu ħarġet l-aħbar li l-HSBC se jkun qed jagħlaq seba’ fergħat madwar Malta filwaqt li se jkun qed joffri skemi għal dawk l-impjegati li jagħżlu li jirriżenjaw.
Għall-mistoqsija dwar jekk din l-aħbar tfissirx li ftit ftit l-HSBC se jwaqqaf l-operat tiegħu f’Malta, il-Kap Eżekuttiv insista li dak imħabbar illum huwa investiment li l-bank se jkun qiegħed jagħmel f’Malta.
Andrew Beane insista li filwaqt li l-fergħat jibqgħu importanti, l-HSBC qed jippjana għall-futur għax qed jinbidel il-mod kif in-nies qed jużaw il-banek.
Spjega kif 80% tat-tranżazzjonijiet madwar id-dinja qed isiru onlajn u fi kliemu qed jinnotaw li din il-bidla qed tasal b’rata mgħaġġla f’Malta wkoll.
“Irridu norganizzaw lilna nfusna skont kif il-klijenti tagħna qed jużaw il-bank,” spjega l-Kap Eżekuttiv
Beane kompla jispjega kif matul din is-sena, HSBC Malta fetħet 5,000 kont ġdid lil 5,000 klijent ġdid u 95% ta’ dawn applikaw minn fuq l-internet.
'Se taraw biss l-aħjar tal-HSBC'
“L-aħbar mhijiex li qed nagħlqu iżda li qed inbiddlu l-mudell li bih naħdmu,” insista Beane.
Huwa fakkar fil-fergħa kbira li se tkun qed issir f’Ħal Qormi u li se tiġbor fiha fergħat li se jagħlqu bħal dik ta’ Ħal Balzan u anke fl-investimenti li se jsiru f’dawk il-fergħat li se jibqgħu miftuħa.
“Se taraw fergħat akbar, li se joffru aktar servizzi u li huma aktar flessibbli iżda kkumplimentati b’servizzi diġitali,” kompla jinsisti Beane. ‘Se taraw biss l-aqwa tal-HSBC,” kompla jisħaq aktar tard.
U x'se jiġri mill-impjegati?
Inqas fergħat ifissru wkoll inqas impjegati. Kemm qed jittamaw li jnaqqsu impjegati? Il-Kap Eżekuttiv insista kif ġaladarba is-servizzi bankarji qed jinbiddlu, it-tip ta’ impjiegi jeħtieġ li jinbiddlu wkoll.
Saħaq kif filwaqt li l-bank se jimpjega inqas nies milli għandu llum, se jibqa’ jkollu fergħat u servizzi mill-aqwa.
Insista li l-bank mhu se jkun qed jisforza lill-ebda impjegat biex jagħmel dak li ma jridx waqt li saħaq li jinsabu f'diskussjonijiet mal-Unjin Maltija għall-Impjegati tal-Bank.
Dalgħodu tħabbar li se jkun hemm skemi li għalihom il-ħaddiema jistgħu japplikaw b’mod volontajru.
Il-Gvern jilqa' "l-pass proattiv tal-HSBC"
Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, il-Gvern qal li jilqa' dak li sejjaħlu bħala pass proattiv tal-bank HSBC Malta.
Fi kliem il-Gvern, l-HSBC qed "iħaddan u jadotta għal dawn it-tendenzi ġodda fix-xenarju diġitali li jikkumplimentaw il-politika tal-Gvern f’dan il-qasam."
Min-naħa tiegħu. is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri appella biex ikun hemm onsultazzjoni mal-komunitajiet affetwati direttament bl-għeluq tal-fergħat.