Sondaġġ | Delia jibqa' fejn hu u l-PL jibqa' jnaqqar mill-voti tal-PN

Kieku kellha ssir elezzjoni llum, id-distakk bejn il-partiti jkun ħafna akbar minn dak ta' ħames xhur ilu

Minkejja li rebaħ vot ta’ fiduċja fost il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia baqa’ fejn kien fejn tidħol fil-fiduċja tiegħu mal-elettorat.

L-aħħar sondaġġ tal-MaltaToday, ippubblikat ilbieraħ, wera kif Delia jgawdi l-fiduċja ta’ 16.7% tal-elettorat, punt perċentwali biss aktar mill-aħħar sondaġġ li sar f’Lulju.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat igawdi l-fiduċja ta’ 54.1% tal-elettorat.

Jidher li Delia qed jibqa’ lura għax ammont kbir ta’ votanti Nazzjonalista ma jafdaw lil ħadd, filwaqt li grupp sinifikanti jafdaw aktar lil Muscat.

Fost dawk li vvutaw lill-PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali, Delia jgawdi biss il-fiduċja ta’ 41.2%.

Kważi l-istess ammont, jiġifieri 42.2% la jafdaw lil Delia u lanqas lil Muscat, filwaqt li 12.8% jafdaw iżjed lill-Prim Ministru.

U kieku kellha ssir elezzjoni għada?

Kieku kellha ssir elezzjoni għada, il-Partit Laburista jġib 45.3% tal-voti u l-Partit Nazzjonalista 23.3%.

Dan ifisser li bejn iż-żewġ partiti l-kbar hemm differenza ta’ 22%, jiġifieri ħafna aktar minn kemm kien id-distakk bejn iż-żewġ partiti fl-elezzjonijiet Ewropej ta’ ħames xhur ilu, meta d-distakk kien ta’ 16%.

Il-PN jibqa’ jitlef il-voti

Fost dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, 57.8% se jerġgħu jivvutaw l-istess jekk elezzjoni ssir għada.

Dan jikkuntrasta sew ma’ 84.9% li vvutaw lill-PL fl-aħħar elezzjoni ġenerali u li determinati li jagħmlu l-istess jekk l-elezzjoni ssir illum.

Is-sondaġġ juri li 15.7% ta’ dawk li vvutaw lill-PN fl-2017 mhux se jivvutaw, 18.6% huma inċerti u 3.9% se jivvutaw Labour.

More in Politika