F'seba xhur mijiet ta' nisa Maltin talbu informazzjoni dwar il-pillola abortiva

Abortion Support Network irċieva 43 talba min-nisa Maltin li xtaqu informazzjoni dwar kif jistgħu jwettqu abort barra mill-pajjiż

Minn meta fetħu s-servizz tagħhom għal Malta, fi Frar ta’ din is-sena, l-Abortion Support Network, ibbażat fir-Renju Unit, irċieva 43 talba min-nisa Maltin li xtaqu informazzjoni dwar kif jistgħu jwettqu abort barra mill-pajjiż.

Fl-istess waqt, mijiet talbu lill-istess Network informazzjoni dwar kif jistgħu jaċċessaw il-pillola abortiva biex iwettqu abort fid-dar stess.

Ruth Taylor, Kap Eżekuttiv tal-ASN saħqet li l-etajiet ta’ dawk li talbu l-assistenza tal-Abortion Support Network kienu jvarjaw bejn id-19 u l-45 sena.

Tnejn minn dawn kienu vittmi ta’ stupru. 

Fi stqarrija, in-Network saħaq li dawn iċ-ċifri huma prova ta’ dak li l-attivisti ilhom jafu snin jisħqu, jiġifieri li mbilli l-abort huwa kontra l-liġi, ma jfissirx li nisa tqal mhux qed isiefru jew inkella jfittxu metodi oħra kif iwettquh.

Insista li dan ma jagħmilx sens għax ifisser li nisa Maltin li għandhom biżżejjed riżorsi jistgħu jwettqu l-abort filwaqt li oħrajn le, anzi “huma sfurzati li jirriskjaw proċeduri kriminali billi jordnaw pilloli mill-internet.”

Intant, ASN se jkun qed jingħaqad mal-attivisti favur l-abort waqt l-ewwel rally li se jkollhom nhar is-Sibt li ġej.

More in Politika