Kważi 2,500 roadblock is-sena l-oħra

Minkejja li l-Ministru wieġeb eżattament kemm twettqu roadblocks, ma kienx ċar dwar liema awtoritajiet iwettquhom u kemm inħarġu taħrikiet bħala riżultat tagħhom

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ivan Bartolo (xellug) u l-Ministru Byron Camilleri (lemin)
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ivan Bartolo (xellug) u l-Ministru Byron Camilleri (lemin)

Jidher illi fl-2024 il-pulizija wettqet 2,468 roadblock.

Dil-informazzjoni hija meħuda minn mistoqsija parlamentari magħmula lill-Ministru Camilleri mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo. 

Bartolo staqsa lill-Ministru biex “jgħid kemm saru roadblocks fl-2024 u x’azzjoni ttieħdet fil-konfront ta’ dawk il-persuni li nqabdu jiksru l-liġi?” Camilleri rrisponda billi ta ċ-ċifra mitluba. 

Fl-istess risposta, il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar l-ambitu ta’ dawn ir-roadchecks, u kif “ikopru kull lokalità ta’ Malta u Għawdex”. 

Tkellem ftit ukoll dwar l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu dawn l-ispezzjonijiet tat-triq, iżda ma kienx speċifiku għalkollox.  

Fil-fatt, qal li “jsiru mill-Pulizija ta’ kull distrett madwar dawn il-gżejjer” u xi awtoritajiet oħrajn bħal “taqsimiet oħra tal-korp u ... aġenziji oħra,” iżda ma qalx liema huma l-aġenżiji u liema huma t-taqsimiet tal-korp.

Il-Ministru vag meta jwieġeb it-tieni mistoqsija 

Iżda meta wieġeb it-tieni mistoqsija, dwar l-azzjonijiet li ttieħdu meta sewwieq jinqabad jikser il-liġi, il-Ministru Camilleri ma kienx għalkollox ċar fit-tweġiba tiegħu. 

Il-Ministru għall-Intern qal biss li l-ispezzjonijiet li wettqu l-awtoritajiet imsemmijin aktar ’il fuq, “ġew imwaqqfa eluf ta’ vetturi” fejn spiċċaw “inħarġu mijiet ta’ tickets dwar kontravenzjonijiet li ġew identifikati”. 

Barra minn hekk, ingħataw ukoll “numru ta’ taħrikiet oħra, dwar reati konnessi ma’ ksur ta’ ligijiet mhux koperti bis-sistema ta’ ticketing, mill-istess uffiċjali.” 

More in Politika