Il-Partit Nazzjonalista qed tallega li l-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela qed jattakka lill-eks Prim Ministru u President Emeritu Eddie Fenech Adami għax jinstab dahru mal-ħajt u jixtieq jgħatti n-nuqqasijiet tiegħu billi jattakka lil xi ħaddieħor.
"L-istess Robert Abela li għal ħames snin sħaħ baqa’ sieket u kompletament ċass fuq Manoel Island, issa qed jipprova jitfa’ t-tajn fuq min ilu snin barra mill-politika", qalet l-Oppożizzjoni fi stqarrija.
Fl-istess ħin, il-PN qed jallega li kemm ilu fil-gvern il-Partit Laburista m'għamlu xejn biex jiżguraw li l-obbligi tal-konċessjoni jiġu onorati u barra minn hekk, qed jallega wkoll li Abela qed jipprova jnessi l-fatt li l-konċessjoni kienet għaddiet unanimament fil-Parlement—jiġifieri anka bil-voti tal-PL ta' dak iż-żmien.
L-Oppożizzjoni qed takkuża lill-Kap tal-PL li qed ibiddel il-pożizzjoni tiegħu skont il-pressjoni pubblika, hekk kif l-ewwel qal li ma jista' jagħmel xejn dwar il-konċessjoni għax 'għax dan jiġi jiswa lill-pajjiż il-miljuni', biex imbagħad qal li se janalizza l-konċessjoni biex jara nkisrux xi kundizzjonijiet u b'hekk tista' tiġi annullata l-konċessjoni.
Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li l-Prim Ministru għandu bżonn ikun sod fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-Gżira Manoel, kif ukoll li għandu bżonn juri solidarjetà mar-residenti ta' madwar il-Gżira Manoel, "li issa xebgħu sal-ponta ta’ mneħirhom bl-iżvilupp il-ħin kollu għaddej madwarhom", u li jġorr ir-responsabbiltà ta' x'se jsir mill-Gżira Manoel.
Hu biss Robert Abela li llum iġorr ir-responsabbiltà ta’ dak li se jsir mill-Gżira Manoel fis-snin li ġejjin. La Eddie Fenech Adami, la l-Oppożizzjoni u lanqas ħadd iktar", qalu l-PN.
Il-Partit Nazzjonalista temmew b'talba lill-Prim Ministru biex jiddikjara il-qbil tiegħu mad-29,000 firmatorju tal-petizzjoni li qed jitolbu biex il-Gżira Manoel tinbidel f’park nazzjonali.
Risposta mill-PL
Wara l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista li akkużat lill-Prim Ministru Robert Abela b’attakki lejn l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami biex jgħatti n-nuqqasijiet tiegħu fil-każ ta’ Gżira Manoel, il-Gvern wieġeb b’mod kategoriku u ċar: l-interess uniku f’dan il-każ huwa dak tan-nies, mhux ta’ xi konsorzju jew interess privat.
Fi stqarrija uffiċjali, il-Gvern ċaħad dak li sejjaħ bħala "allegazzjonijiet bla bażi" mill-Oppożizzjoni u tenna li taħt l-amministrazzjoni ta’ Robert Abela, mhux se jitħallas l-ebda kumpens ta’ miljuni lill-konsorzju – kumpens li spiċċa jitħallas mill-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Gvern iddeskriva l-pożizzjoni tal-PN bħala waħda inkonsistenti u opportunistika, f’kuntest li fih l-istess PN kien ivvota favur il-konċessjoni fil-Parlament. “Huwa ironiku,” qal il-Gvern, “li l-istess PN li appoġġja l-konċessjoni issa jipprova jfaqqa’ t-tort fuq ħaddieħor.”
Fir-risposta tiegħu, il-Gvern spjega li l-pożizzjoni dwar l-eks Prim Ministru Fenech Adami ma kinitx attakk personali, iżda riferiment leġittimu għall-kuntest storiku ta’ deċiżjonijiet li għandhom konsegwenzi sa llum.
Il-Gvern kompla jgħid li mhux se jidħol fi logħob ta’ ipokrezija politika, iżda se jibqa’ jħares lejn x’inhu l-aħjar għall-poplu: “Dan mhux żmien għall-politika tal-biża’, imma għall-verità u r-responsabbiltà.” Il-Gvern saħaq li se janalizza bir-reqqa l-konċessjoni biex jara jekk humiex inkisru kundizzjonijiet legali u, fejn ikun possibbli, tiġi revokata mingħajr ma jiġu kompromessi l-finanzi tal-pajjiż.
B’reazzjoni għat-talba tal-Oppożizzjoni biex il-Prim Ministru jiddikjara l-qbil tiegħu ma’ dawk li ffirmaw il-petizzjoni għal park nazzjonali, il-Gvern qal li qed jieħu nota ta’ din it-talba, u li kull deċiżjoni se tittieħed fuq il-bażi ta’ prinċipju wieħed ċentrali: li jiġi protett l-interess tan-nies.
“Se nkunu aħna – mhux il-PN – li nieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli iżda meħtieġa biex nassiguraw futur ġust u sostenibbli għall-Gżira Manoel,” temmet tgħid l-istqarrija.