Repubblika tikkundanna l-proċedimenti kriminali kontra l-foqra

L-għaqda ċivili Repubblika tesprimi solidarjetà mat-12-il persuna bla dar li ttellgħu l-Qorti u titlob 'għall-umanità u d-diċenza' u biex ma nikkastigawx lil min hu diġà magħkus

(Ritratt: arkivji)
(Ritratt: arkivji)

Repubblika kkundannat l-aġir tal-Qorti mat-12-il persuna bla saqaf fuq rashom li spiċċaw ittellgħu l-qorti u kif ukoll esprimiet id-dispjaċir tagħha għal dak li seħħ fil-Qorti lbieraħ.

"Dawn huma persuni li huma mċaħħda minn tant bżonnijiet bażiċi li jeħtieġu mogħdrija u għajnuna biex jieklu u jorqdu fil-kenn. Minflok, ġew arrestati u pproċessati b'mod aħrax daqslikieku wettqu reati vjolenti", qalet l-għaqda ċivili fi stqarrija.

L-għaqda kompliet billi tgħid li ma titfax ħtija fuq il-pulizija li mxiet skont il-liġi, iżda li hemm bżonn ta' ħniena, ġenerożità, umanità, u diċenza fejn jidħlu każijiet bħal dawn, fejn l-imputati huma fil-verità vittmi u mhux kriminali.

"Dawn il-persuni arrestati u kkundannati l-bieraħ huma vittmi ta' inugwaljanza dejjem tikber, ta' razziżmu istituzzjonalizzat, u ta' sistemi ekonomiċi li jisfruttaw lin-nies u mbagħad jarmuhom", stqarret l-organizzazzjoni.

Qalu wkoll li pajjiż li ma jiħux ħsieb lill-iktar vulnerabbli huwa wieħed li tilef għalkollox is-sens ta' komunità.

Repubblika temmew b'talba biex tinbidel ir-rotta tal-pajjiż, fejn il-proċedimenti tal-Qorti jintużaw biss għal min ikun għamel il-ħsara u mhux biex tittieħed il-libertà ta' min m'għandu xejn u fejn dawk l-iktar vulnerabbli ma jitħallewx għal riħhom biex imbagħad jispiċċaw jorqdu barra, jittallbu, u b'hekk jittellgħu l-qorti.

"Meta nies ikollhom jorqdu barra jkun falla l-istat li obbligat jieħu ħsiebhom u nkunu fallejna lkoll kemm aħna li ma assigurajniex solidarjetà bejnietna", temmet l-għaqda ċivili.

More in Politika