Bernard Grech ibiddel fehmtu dwar il-Gżira Manoel

Filwaqt li ftit tal-jiem ilu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal 'li jkun hemm park nazzjonali hija ħolma sabiħa' u li 'l-kuntratt għandu jiġi onorat', issa qed jgħid li għandna 'nagħmlu ħilitna biex il-Gżira Manoel tinbidel f’park nazzjonali'

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech (Ritratt: Il-Partit Nazzjonalista)
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech (Ritratt: Il-Partit Nazzjonalista)

Hekk kif il-petizzjoni u l-karba tal-poplu biex il-Gżira Manoel tinbidel f'park nazzjonali kibru tant li ma jistgħux jiġu injorati, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qed jisħaq li għandu jsir minn kollox biex ma nitilfux l-opportunità biex din il-"ħolma sabiħa," bħal kif sejħilha ftit tal-jiem ilu, titwettaq.

"L-interess pubbliku fil-każ tal-Gżira Manoel jitlob li ladarba għadna biċ-ċans u għadu ma sar l-ebda żvilupp, nagħmlu ħilitna biex is-sit jinbidel f’park nazzjonali," qal Grech fi stqarrija.

Minkejja l-konċessjoni u minkejja wkoll il-fatt li ftit tal-jiem ilu Grech qal li "l-kuntratt għandu jiġi onorat", il-Mexxej tal-Oppożizzjoni qal "li għad fadlilna l-aħħar u l-unika opportunità biex insalvaw dan il-wirt storiku" u b'hekk il-Gvern, li huwa obbligat lejn il-poplu li eleġġieh, għandu jara liem kundizzjonijiet tal-konċessjoni nkisru.

Dan huwa speċjalment il-każ meta tikkunsidra li r-realtajiet tal-pajjiż inbidlu minn meta ngħatat l-konċessjoni 'l hawn, qal Grech. Barra minn hekk, ir-residenti tal-lokalitajiet madwar il-Gżira Manoel huma mxebba' bis-sitwazzjoni tagħhom u li jkollhom park nazzjonali qribhom jaf ittaffilhom il-frustrazzjoni u tgħollilhom il-kwalità tal-ħajja.

"Il-Partit Nazzjonalista jifhem il-frustrazzjoni tan-nies," saħaq Grech, u semma li dis-sitwazzjoni tolqot b’mod partikolari r-residenti mad-dawra tal-Gżira Manoel. Qal ukoll illi dawn "xebgħu b’din is-sitwazzjoni għax ilhom snin twal iġorru l-piż tal-iżvilupp kontinwu f’dawn l-inħawi kif ukoll il-problemi li qed iġġib magħha ż-żieda bla kontroll fil-popolazzjoni li qed taffettwa b’mod sinifkanti lil dawn il-postijiet, kif ukoll in-nuqqas ta’ spazji miftuħa."

Żied jgħid li l-kwalità tal-ħajja tan-nies hija prijorità għall-partit tant li qed jagħfsu biex isir studju tal-carrying capacity fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex—jiġifieri kemm dawn il-lokalitajiet jifilħu nies fihom.

Grech temm l-istqarrija tiegħu billi aċċenna għall-kumment tiegħu tal-"ħolma sabiħa" u li l-Partit Nazzjonalista jinstab iddeterminat biex din il-ħolma titwettaq u "tinbidel f'realtà."

Grech lill-Prim Ministru

Fl-istqarrija Grech semma wkoll il-"U-turn" tal-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela, fejn "ħabbar li qed janalizza l-konċessjoni... biex jara jekk hemmx ksur ta’ xi kundizzjonijiet u jekk għadhiex valida." B'hekk, skont Grech, Abela issa miexi fl-istess triq tal-Partit Nazzjonalista u tal-firmatorji tal-petizzjoni.

Il-Mexxej tal-Oppożizzjoni sejjaħ ukoll għat-trasparenza min-naħa tal-Prim Ministru ħalli jżomm lill-poplu Malti infurmat.

Fl-istess ħin, fakkar li l-konċessjoni ngħatat bi qbil unanimu bejn il-Partit Nazzjonalista, li kien fil-gvern, u l-Partit Laburista, li kien fl-Oppożizzjoni, u qal ukoll li messu kien il-Gvern Laburista li ra li l-iżviluppaturi jżommu mal-kuntratt.

"Minflok jitfa’ tiegħu fuq ħaddieħor, Robert Abela messu assigura li kemm ilu Prim Ministru l-obbligi tal-kuntratt jiġu onorati," saħaq Grech.

More in Politika