Kunċerti fil-grawnd nazzjonali f’Ta’ Qali… Wieħed favur, l-ieħor kontra

L-ILLUM titkellem u tistaqsi liż-żewġ kandidati għall-ogħla kariga fl-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol

Hekk kif din il-ġimgħa li għaddiet Chris Bonett u Bjorn Vassallo uffiċjalment ħabbru li se jkunu qegħdin jikkontesaw għall-ogħla kariga fl-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA), minnufih beda jiġri l-għajdut dwar x’għandhom f’moħħhom iż-żewġ kandidati fil-manifesti rispettivi. Infatti wieħed minn dawn il-kandidati Chris Bonnett ikkonferma li fil-fatt huwa favur li jsiru kunċerti f’Ta’Qali.

Wieħed minn dawn ir-rapporti kien idur mal-possibbilità li jibdew jiġu organizzati kunċerti fil-grawnds ta’ Ta’ Qali, xi ħaġa li s’issa qatt ma ġiet permessa mill-MFA, hekk kif skont informazzjoni li għandha din il-gazzetta ftit tas-snin ilu l-MFA kienet saħansitra ċaħdet talba ta’ organizzatur sabiex jorganizza kunċert fil-parkeġġ biswit il-grawnds ta’ Ta’ Qali.

Mistoqsi mill-ILLUM Bonett kien pront biex jirrispondi, “iva, mhux biss kunċerti iżda anke avvenimenti oħra bħal esebizzjonijiet. Ovvjament l-ewwel interess għandu dejjem ikun il-logħba tal-futbol. Allura dawn il-kunċerti għandhom jingħataw permess biss meta l-kampjonat ma jkunx se jiġi affettwat, meta l-prezz ikun tajjeb u meta jkun żgurat li l-grawnd mhux se ssirlu l-ebda ħsara.” Żied jgħid li, “finalment jekk dawn kollha jiġu żgurati mhux biss inkunu qegħdin ndaħħlu introjtu kummerċjali lil-MFA iżda nkunu qegħdin nkabbru l-prodott turistiku Malti.”

Intant f'kitba fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook kmieni is-Sibt filgħodu, Bonett reġa' kkonferma dan u sostna li, "L-istadium Nazzjonali għandu jkun ċentru ta' attività l-ġimgħa kollha. Għandhom isiru  training camps, konferenzi, kunċerti u attivitajiet oħra li jikkontribwixxu għat--turiżmu nazzjonali u li jiġġeneraw aktar introjtu għall-clubs.

Min-naħa l-oħra, Vassallo sostna kif, “tul iż-żmien tiegħi fl-MFA flimkien mal-amministrazzjoni ta’ dak iż-żmien konna diġà kkunsidrajna kemm-il darba li jkunu organizzati kunċerti fl-Istadium Nazzjonali bħal kif isir f’postijiet oħra madwar l-Ewropa. Minn studji li konna għamilna kien ħareġ biċ-ċar li bl-infrastruttura eżistenti u mingħajr ma jsir investiment kapitali importanti, ma tistax torganizza kunċerti ta’ livell.”

Skont Vassallo dan jixhed fin-nuqqas ta’ entużjażmu li wrew l-organizzaturi ta’ the Isle of MTV meta skartaw l-idea li l-kunċert jibda jsir f’Ta’ Qali. 

Apparti minn hekk huwa saħaq li, “dan juri biċ-ċar li l-vijabbilità finanzjarja u l-loġistika bl-infrastruttura eżistenti finalment ma jwasslu għall-ebda gwadann għall-klabbs.”

Iżda mhux hekk biss hekk kif skontu l-prijorità tal-faċilitajiet tal-futbol għandha tibqa’ għall-użu sportiv speċjalment li l-kalendarju huwa diġà ppakkjat f’perjodu meta jrid isir ir-re-seeding u jkun ippreparat il-pitch għall-kompetizzjonijiet Ewropej u tat-tim nazzjonali.”

Fl-aħħar nett Vassallo qal li fil-ġranet li ġejejin huwa se jkun qiegħed jiżvela kif l-Istadium Nazzjonali jista’ joffri esperjenza ġdida permezz ta’ proġett fattibbli b’figuri finanzjarji sostenibbli li minnu tgawdi l-komunità sportiva kollha.

“Il-proposti tiegħi dwar kif għandna nimmassimizzaw l-introjtu mill-kumpless sportiv f’Ta’ Qali jinkludu riġenerazzjoni u żvilupp tal-partijiet kollha fl-Istadium u l-kummerċjalizazzjoni tagħhom b’mod iddiversifikat,” temm jgħid id-Direttur tal-FIFA.

Wara ġimgħat twal ta’ spekulazzjoni fuq jekk humiex se jikkontestaw għall-ogħla kariga fl-MFA, Chris Bonett u Bjorn Vassallo din il-ġimgħa kkonfermaw il-kandidatura tagħhom għal President tal-MFA.

Vassallo, attwalment direttur tal-FIFA ħabbar li se jkun qiegħed jikkontesta l-elezzjoni tal-Malta Football Association (MFA) għar-rwol ta’ President. Fil-passat Vassallo okkupa kariga fl-MFA sakemm fl-2016 irriżenja minn Segretarju Ġenerali sabiex jieħu pożizzjoni fil-FIFA.

Kienet din il-gazzetta li fit-12 ta’ Marzu li għadda rrapportat kif il-President attwali Norman Darmanin Demajo ma kienx se jikkontesta l-elezzjoni ta’ Lulju li ġej. Dakinhar sorsi li tkellmu mal-ILLUM kienu spjegaw kif id-Dede mistenni ‘jċedi’ postu lil Bjorn Vassallo. Xahar wara, Darmanin Demajo kemm ħabbar illi mhux se jikkontesta l-elezzjoni għat-tmexxija tal-MFA li se ssir f'Lulju li ġej.

Min-naħa l-oħra, Chirs Bonett kien ilu żmien jissemma li se jitfa’ ismu sabiex ikun il-President li jmiss tal-MFA, b’din il-gazzetta informatha li ilu għal żmien twil jiltaqa’ mal-partijiet interessati kollha. Eżerċizzju li skont sorsi qrib Bonett kien importanti għalih biex jiżen jekk għandux finalment jitfa’ ismu fl-elezzjoni ta’ Lulju li ġej.

Bħal Vassallo, fil-passat Bonett ukoll kellu pożizzjoni fl-MFA, hekk kif dan serva bħala Viċi President sakemm fl-2016, irreżenja sabiex imexxi t-tim ta’ uffiċjali li jiġġieldu t-tixħim fil-futbol mal-UEFA.

More in Politika