L-Ewroparlamentari David Casa jinsab f’Istanbul fejn iltaqa’ mal-ġurnalista investigattiva Pelin Ünker u t-tim legali tagħha.
Pelin Ünker hi parti mill-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi, u ngħatat sentenza ta’ 13-il xahar il-ħabs wara li rrappurtat il-Paradise Papers.
Waqt il-laqgħa, Casa wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li fi kliemu, fit-Turkija, meta jinkixfu affarijiet fuq in-nies fil-poter, ikun il-ġurnalist li jsofri l-konsegwenza.
“Meta l-fatti li jkunu rrappurtati ma jiġux miċħuda, ikun aktar gravi meta tingħata sentenza ta’ ħabs għall-ġurnalisti li jkunu kixfu dawk il-fatti,” saħaq Casa.
Kompla jisħaq li ħafna drabi, dan it-trattament, ikun “sens ta’ patrijottiżmu falz” fejn l-istejjer fl-interess pubbliku jkunu mrażżna, u l-ġurnalisti li jkunu kitbuhom jkunu fil-mira biex in-nies fil-poter ikunu protetti.
“Dan hu vizzju antik li issa qed jidher anke fl-Unjoni Ewropea u li jrid jiġi indirizzat,” saħaq Casa.
Qal li fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun qed jistieden lil Pelin Ünker biex tmur il-Parlament Ewropew, u se jkun qed jnieħu aktar passi fuq livell tal-UE biex iwaqqaf din is-sentenza krudili milli tiġi nfurzata.
Pelin Ünker, issa qed tiffaċċja każ ieħor ibbażat fuq l-istess artikli li issa, huma dwar ir-raġel ta’ bint il-President Erdogan.