'L-għalliema għandhom bżonn ħiliet ġodda biex jilqgħu l-istudenti barranin'

Il-Pro Rettur tal-Università ta' Malta titkellem dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-għalliema fl-iskejjel u kif jistgħu jaddattaw ruħhom għal sfidi ġodda

Wara li l-gazzetta ILLUM irrappurtat kif fil-Kulleġġ Santa Klara jattendu studenti minn 86 pajjiż differenti, tkellmet ukoll mal-Pro Rettur tal-Università, il-Professur Carmen Sammut, dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw studenti u għalliema.

Sammut saħqet li l-iżviluppi tant seħħew malajr li s-sistema edukattiva sabet ruħha mhux ippreparata biżżejjed biex tilqa’ lil dawn l-istudenti minn varjetà kbira ta’ pajjiżi.

"Qed nitgħallmu mill-esperjenza biex nippruvaw inkampaw ma’ din is-sitwazzjoni,” saħqet il-Professur Sammut. “L-għalliema għandhom bżonn ħiliet ġodda.”

Fil-ġimgħat li għaddew, din l-isfida kienet diskussa waqt konferenza organizzata mill-uffiċċju tal-Pro Rettur tal-Università ta’ Malta għall-Affarijiet tal-Istudenti, il-Fakultà tal-Benessri tas-Soċjetà, il-Fakultà tal-Edukazzjoni u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, bil-għan li twassal għall-politika nazzjonali li tindirizza din ir-realtà fl-iskejjel.

Sfida anke fl-Università...

Din il-konferenza saret wara laqgħa li l-Professur Sammut kellha mal-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar id-diffikultajiet li jiffaċjaw refuġjati u persuni li qed ifittxu l-ażil, biex jidħlu jistudjaw fl-Università ta’ Malta.

Sammut semmiet esperjenzi ta’ żgħażagħ li spiċċaw jiġru min-naħa għall-oħra u minn dipartiment għal ieħor bit-tama li ċ-ċertifikati tagħhom ikunu rikonoxxuti anke f’Malta. Id-diffikultà hija akbar għal dawk iż-żgħażagħ li waslu Malta fuq biċċa dgħajsa u li ftit li xejn inkwetaw biex iġibu magħhom iċ-ċertifikati.

Il-lingwa tibqa’ ostaklu prinċipali anke f’dan il-livell. Fost dawn, spjegat li biex jidħlu l-Università dawn iż-żgħażagħ jeħtieġ iġibu dak magħruf bħala ‘English Language Proficiency’, eżami li jiswa l-flus kemm biex toqgħod għalih u anke biex tistudjah u għalhekk ħafna minn dawn iż-żgħażagħ ikollhom jiddependu fuq għalliema voluntiera.

Il-problemi finanzjarji ma jonqsux...

Kien hawn li tkellmet dwar il-problemi finanzjarji li jaffaċċjaw studenti refuġjati jew li qed ifittxu l-ażil. Immaġina żagħżugħ li għandu biss €300 fix-xahar u jkun irid jistudja. Kif se jirnexxilu jgħix mingħajr ma jaħdem?

L-akbar diffikultà, biex jidħlu jistudjaw l-Università, jaffaċjawha persuni li qed ifittxu l-ażil u persuni oħra li qed jingħataw protezzjoni umanitarja temporanja. Is-sitwazzjoni hija ftit aktar faċli għar-refuġjati, ġaladarba dawn igawdu mill-istess drittijiet tal-Maltin.

Forsi nstabet soluzzjoni?

Kompliet ukoll ma’ dak li qal ir-Rettur tal-Università Alfred J. Vella u spjegat kif jeżistu mekkaniżmi li jistgħu jintużaw biex ikunu mgħejjuna dawk li jixtiequ jistudjaw l-Università iżda ma għandhomx iċ-ċertifikati x’juru.

Wieħed minn dawn il-mekkaniżmi huwa dak magħruf bħala Recognition of Prior Learning (RPL). Teżisti l-possibilità li l-esperjenza u t-taħriġ li persuna tkun akkummulat matul is-snin, meta kienet taħdem f’settur, jagħmlu tajjeb f’każ li jkollha xi kwalifika nieqsa biex tidħol fl-Università

Għalhekk, il-Pro Rettur saħqet li dan l-istess mekkaniżmu jista’ jintuża biex jgħin lil dawk l-immigranti li għandhom ċertu esperjenza u taħriġ iżda ma għandhomx magħhom iċ-ċertifikati x’juru.

Il
Il

“Konna qed inħarsu biss lejn vagun u mhux lejn il-ferrovija”

Iżda hawn il-kliem reġa’ waqa’ fuq l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum l-għalliema tal-primarja u tas-sekondarja.

Fi kliem Sammut, waqt il-laqgħa li kellha fil-Ministeru biex tiddiskuti l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom żgħażagħ immigranti biex jidħlu l-Università, irrealizzat li l-problema hija ferm aktar wiesgħa.

“Konna qed inħarsu biss lejn il-vagun u mhux lejn il-ferrovija”

Kien għalhekk li fi kliemha kienet organizzata din il-konferenza li ġabet flimkien lill-istakeholders kollha, mill-għalliema u kapijiet ta’ skejjel sa immigranti u studenti, bil-għan li tinħoloq stampa aktar ċara tal-isfidi li jeżistu u dak li hemm bżonn isir.

“Il-lingwa hija ċ-ċavetta tal-integrazzjoni...”

Staqsejna lill-Professur Sammut x’kienu l-akbar sfidi li ssemmew mill-edukaturi matul din il-konferenza.

Bħalma semma mal-ILLUM il-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Klara, Sammut ukoll identifikat il-lingwa bħala l-akbar ostaklu. Spjegat kif filwaqt li l-Maltin noħduha bħala xi ħaġa normali li nkunu nafu l-Malti u l-Ingliż, din mhijiex ir-realtà tal-pajjiżi l-oħra wkoll.

Semmiet esperenzi ta’ studenti li ġew joqgħod Malta mal-ġenituri tiegħu, jidħlu fi klassi tal-Year 5 mingħajr ma jafu jiktbu bl-alfabett Latin.

“X’se jagħmel l-għalliem?”, staqsiet Sammut. “Il-lingwa hija ċ-ċavetta tal-integrazzjoni... importanti ħafna li t-tfal jitgħallmu l-lingwa omm tagħhom għax hekk isibuha aktar faċli biex jitgħallmu lingwa barranija.”

Terġa’ u tgħid mhux kulħadd ikollu l-istess kapaċità biex jitgħallem lingwa. Il-Professur Sammut spjegat li matul il-konferenza, esperti spjegaw kif persuni li ġejjin minn pajjiżi Għarab x’aktarx se jitgħallmu l-Malti ħafna aktar malajr minn studenti oħrajn li ġejjin minn pajjiżi Ewropej jew pajjiżi mill-Ewropa tal-Lvant u li ma jużawx l-alfabett Latin.

‘Ma għadux jgħodd il-prinċipju tal-one size fits all’

Fid-dawl ta’ dan, hija u titkellem dwar it-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija, il-Professur Sammut saħqet li aktar ma s-soċjetà ssir kumplessa, inqas jgħodd il-prinċipju tal-‘one size fits all.”

“Nistgħu nitfgħu din il-problema taħt it-tapit u ngħidu ma hemmx x’tagħmel. Inkella nistgħu nużaw din id-diversità bħala riżorsa edukattiva,” saħqet il-Professur Sammut.

Għalhekk li insistiet dwar il-bżonn li wieħed jara l-istampa kif inhi biex, fuq kollox, l-għalliema jingħataw it-taħriġ kollu meħtieġ biex ikunu jistgħu jindirizzaw dawn l-isfidi li jiltaqgħu magħhom.

Kien hawn li kkwotat ukoll lill-Ministru għall-Edukazzjoni li tkellem dwar l-edukazzjoni bħala dritt universali u fakkret ukoll li l-ġenituri immigranti ta’ dawn it-tfal qed jagħtu kontribut ukoll lill-ekonomija Maltija.

Kulħadd għandu jkun jaf fuq ir-reliġjonijiet l-oħrajn’

Fost ħafna affarijiet oħra, l-istess konferenza ttrattat kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-reliġjon.

Fis-sistema edukattiva bħalissa, dawk l-istudenti li ma jidħlux għal-lezzjoni tar-reliġjon, għax hekk ikunu jridu l-ġenituri, jidħlu minflok għal-lezzjoni tal-etika.

Iżda, il-Professur Sammut semmiet ukoll li matul il-konferenza ssemmiet l-idea li l-istudenti kollha għandhom jidħlu għall-etika.

“Meta kont ngħallem jiena, kien hemm studenti li għax kienu Musulmani, waqt il-lezzjonijiet tar-reliġjon, jew xi quddiesa, kienu joqogħdu bilqiegħda barra ħdejn l-uffiċċju tal-kap tal-iskola,” saħqet Sammut.

Għalkemm illum dawn l-istudenti qed jitgħallmu l-etika, l-argument waqt il-konferenza kien li kulħadd għandu jistudja l-etika u kulħadd għandu jkun jaf xi ħaġa fuq ir-reliġjonijiet l-oħrajn.

More in Politika