Studenti minn 86 pajjiż differenti jitgħallmu f'kulleġġ wieħed

Fil-Kulleġġ Santa Klara, 35% tal-istudenti huma barranin. X’inhuma l-isfidi li jiffaċċjaw dawn l-istudenti u l-għalliema tagħhom? Ippreparati biżżejjed għal din ir-realtà? L-ILLUM titkellem mal-Prinċipal tal-Kulleġġ

Fl-aħħar jiem tqajmu diversi argumenti dwar il-barranin f’Malta, anke fejn jidħol it-tagħlim tal-lingwa, b’ħafna jargumentaw li l-lingwa hija ċ-ċavetta tal-inklużjoni.

 Filwaqt li hawn min jagħmel l-argument li l-barranin se jisirqu lill-Maltin mill-identità tagħhom, il-Kulleġġ Santa Klara biddel din id-diversità f’għadd ta’ attivitajiet biex jiġu ċċelebrati, apprezzati u aċċettati kulturi differenti.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Keith Bartolo, il-prinċipal ta’ dan il-kulleġġ, li spjega kif fl-iskejjel li jiffurmaw il-Kulleġġ Santa Klara jattendu studenti li ġejjin minn 86 pajjiż differenti.

Fil-fatt, minn total ta’ 3,054 student, 1,054 minnhom huma studenti barranin. Bartolo spjega kif dan ifisser li b’mod globali, il-medja ta’ studenti barranin fil-kulleġġ, hija ta’ 35%.

Il-Kulleġġ Santa Klara jiġbor fih l-iskejjel primarji tal-Gżira, Pembroke, San Ġwann, Tas-Sliema u San Ġiljan u l-iskola sekondarja ta’ Pembroke.

X’inhuma l-isfidi li ġġib magħha din id-diversità?

Din hija realtà li qed jaffaċjaw għadd ta’ skejjel f’Malta, iżda x’inhuma l-isfidi li jiltaqgħu magħhom l-istudenti u anke l-għalliema?

Keith Bartolo spjega kif meta l-istudenti jkunu żgħar fl-età, l-isfidi jkunu ħafna inqas għax dawn jintegraw, jissetiljaw u jitgħallmu aktar malajr minn studenti kbar.

L-isfida tkun ħafna akbar meta dawn studenti barranin jidħlu fl-iskejjel ta’ età akbar, bil-prinċipal jispjega kif apparti l-kulturi differenti, uħud minn dawn l-istudenti jidħlu fil-klassijiet mingħajr ma jkunu jafu la bl-Ingliż u wisq inqas bil-Malti.

Fil-fatt, din hija l-isfida ewlenija li jħabbtu wiċċhom magħha l-għalliema. Mhux faċli tikkomunika ma’ tfal li la jkunu jafu bl-Ingliż u lanqas bil-Malti.

Iżda din il-problema kif tiġi indirizzata?

Bla dubju, din l-isfida trid tiġi megħluba, kemm minħabba l-istudenti nfushom u anke għall-għalliema. Iżda x’jista’ jsir?

Hawnhekk id-diskors minnufih waqa’ fuq il-proposta tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li jkun introdott sillabu ta’ tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija li se jiġi mgħallem lit-tfal barranin.

Ħmistax ilu, il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni li spjega kif dan is-sillabu se jkun mmirrat biss għal dawk l-istudenti li l-ġenituri tagħhom huma t-tnejn li huma barranin.

Il-ġimgħa li għaddiet, diversi esperti tal-Malti u tal-lingwa saħqu ma’ din il-gazzetta li l-Ministeru għandu jiċċara min se jkun jista’ jistudja dan is-sillabu, għax fi kliemhom, ingħataw ħafna verżjonijiet.

Frank Fabri kien qal mal-ILLUM li jista’ jkun hemm xi eċċezzjonijiet u staqsa x’se jiġri minn student, li jkollu ġenitur wieħed biss Malti u ma jkunx jista’ jaqbad art tal-Malti mgħallem bħala lingwa nattiva. Fi kliem Fabri: “Irridu nkunu saqajna mal-art.”

Il-KE qed tiżviluppa programm virtwali għat-tagħlim tal-Malti

Bartolo fakkar li diġà jeżistu programmi simili, fosthom għat-tfal ta’ Maltin li jaħdmu f’istituzzjonijiet Ewropej fi Brussell u fil-Lussemburgu u li għal dan kien hemm qbil unanimu għad-dħul fil-korsijiet fl-Università ta’ Malta.

Fakkar ukoll li jeżistu korsijiet ta’ injunction, biex tfal barranin jitħarrġu fil-ħiliet bażiċi fil-Malti bħala lingwa barranija.

Apparti minn hekk, bħalissa l-Kummissjoni Ewropea qed tiżviluppa programm virtwali għat-tagħlim tal-Malti għal dawk l-istudenti tal-Erasmus li jiġu jistudjaw Malta għal xi żmien.

Ħafna kulturi...kulħadd jitgħallem minn xulxin

Staqsejna wkoll lil Keith Bartolo x’inizjattivi jieħdu l-iskejjel f’dan il-kulleġġ bil-għan li l-istudenti jgħixu flimkien anke jekk ġejjin minn varjetà ta’ nazzjonalitajiet.

Fil-fatt, Bartolo spjega kif fil-kulleġġ jiġu organizzati diversi attivitajiet biex jiġu ċċelebrati, apprezzati u aċċettati kulturi differenti, biex fi kliemu, “kulħadd jitgħallem mingħand xulxin.”

Apparti minn hekk, isiru wkoll għadd ta’ laqgħat u workshops mal-ġenituri fuq drittijiet, dmirijiet u obbligazzjonijiet li l-partijiet għandhom lejn xulxin.

Imniedi ktieb trilingwali...

Fost l-inizjattivi, Bartolo spjega kif dan l-aħħar, ġie mniedi ktieb trilingwali bit-titlu ‘Kellimni, Let’s Talk.’

Dan jinkludi l-istorja bil-Malti u bl-Ingliż u spazju fejn it-tfal barranin ikollhom l-opportunità li jiktbu bil-lingwa nattiva tagħhom.

X’qiegħed isir diġà mal-istudenti barranin?

  • Għall-istudenti li la jifhmu Malti u lanqas Ingliż, il-Migrant Learner’s Unit (MLU) fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni joffri programm ta’ induzzjoni li jħejji lit-tfal biex jikkomunikaw bl-Ingliż u l-Malti waqt li xorta jitgħallmu s-suġġetti l-oħra
  • Meta l-istudenti jkunu jistgħu jkampaw, jidħlu mal-bqija tal-popolazzjoni skolastika, bl-MLU joffri għalliema li jagħtu ‘post induction support’ lill-istudenti.
  • Fl-iskejjel sekondarji qed isiru gruppi ta’ tagħlim li jiffukaw fuq il-Malti bħala lingwa barranija
  • L-MLU llum tuża s-servizz ta’ 43 għalliem u tgħin mas-600 student
  • Matul is-sajf qed jiġu organizzati klassijiet ta’ taħriġ intesiv kemm fil-Malti u kemm fl-Ingliż għall-istudenti li waslu tard jew li ma jkunux qed ilaħħqu mal-livell meħtieġ
  • L-MLU ngħatat fondi Ewropej biex tinħoloq għodda online biex student ikun jista’ jitgħallem il-Malti, kemm fi klassijiet u anke waħdu
  • Klabbs organizzati wara l-ħin tal-iskola biex tfal li ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni jkunu jistgħu jiltaqgħu u jissoċjalizzaw ma’ tfal Maltin
  • Id-Direttorat tat-Tagħlim Tul il-Ħajja joffri korsijiet fil-Malti anke għall-adulti
  • Sessjonijiet ta’ taħriġ mill-MLU għall-għalliema li jaħdmu ma’ tfal barranin

More in Politika