Borg Cardona: 'Kastilja tagħna mhux tagħkom, intom bil-kera qegħdin'
Jurgen Balzan jgħid li Kastilja hija l-'Palazz tar-Reġim' u jsejjaħ għar-riformi - Josef Vella jsostni li l-poplu jrid Gvern li jagħti widen - Jaques Rene Zammit jistaqsi din hix bidu ta' rivoluzzjoni
minn Albert Gauci Cunningham
Tas-Sliema. Il-post fejn twieledet Daphne Caruana Galizia u fejn saret it-tieni dimostrazzjoni mis-Civil Society Network. Waqt din id-dimostrazzjoni tkellmu diversi persuni, anke jekk l-aktar li kien mistenni kien id-diskors ta' Andrew Borg Cardona, avukat u ħabib ta' Caruana Galizia.
Waqt id-diskors tiegħu Andrew Borg Cardona sostna li 'min qed imexxi falla lill-pajjiż u lilna. Kastilja tagħna mhux tagħkom, intom qegħdin hemm bil-kera," insista Borg Cardona għall-approvazzjoni ta' dawk preżenti. Huwa sostna li l-PM għandu 'jqalfat' il-barra lill-Kummissarju tal-Pulizija, lill-Avukat Ġenerali u anke lill-Ministru Michael Farrugia, li qal illi qed jagħti l-impressjoni li dan kien xi aċċident sfortunat.
Borg Cardona sostna li Joseph Muscat għandu, wara li jkeċċi lil dawn jitlaq hu, "għax kif iħobb jgħid hu bl-Ingliż the buck stops with the Prime Minister.' B'referenza għal dak li qal dalgħodu Muscat, Borg Cardona wieġeb li hu u kull min inġabar f'Tas Sliema, jinsabu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.
F'dikors imqanqal il-ġurnalist Jurgen Balzan sostna li l-Kummissarju għandu jitneħħa . 'Imma dan hu l-ewwel pass għal pajjiż ġdid u kostituzzjoni ġdida. Dan il-pajjiż għandu bżonnkhom. L-istat huwa dgħajjef mal-kirminali," sostna Balzan li insista illi f'Malta bħalissa hawn "kollużjoni bejn il-politika l-flus u l-kriminaltà. Ma nistgħux nibqgħhu newtrali u allura nċedu pajjiżna f'idejn il-ftit li ħakkmu kollox. L-ebda armata ta' apoloġisti mhi se ssikkitna jew tbeżżgħana," sostna Balzan. "Malta hawn liġi għall-allat u l-annimali...mhux kulħadd huwa indaqs, mhux vera.".
Il-ġurnalist sostna li "ż-żewġ partiti għamlu l-Qorti każin tagħhom," u qal ukoll li "Malta surplus ta' impunità u opportuniżmu għandha, surplus ta' segretezza u omerta' u surplus ta' partiġġjaniżmu. L-għaqda tista sseħħ biss b'riforma li jagħmlu in-nies."
Filwaqt li ddeskriva lill-Kastilja bħala l-'Palazz tar-Reġim' Balzan irringrazzja lil dawk in-nisa li marru quddiem Kastilja."Ngħidulhom grazzi tas-sagrifiċċji u l-imħabba tagħhkom, talli tajtuna eżempju ta' x'nistgħu nagħmlu bħala ċittadini
Tkellem ukoll Jaques Rene Zammit permezz ta' indirizz li qraha Antonio Tufigno. Zammit staqsa jekk aħniex fil-bidu ta' rivoluzzjoni. 'Ġimgħatejn ilu seħħ qtil oxxen, ġimgħatejn ilu seħħ skoss kbir fis-soċjetà u minn dakinhar xejn mhu se jibqa' l-istess," sostna Jaques Rene Zammit. Huwa qal li għalkemm il-pajjiż għandu surplus ekonomiku, għandu defiċit ċikivu u soċjali. Huwa staqsa għalfejn kellna nistennew qtil biex nibdew nitkellmu dwar ir-riformi.
'Il-poplu huwa sovran fis-saltna tad-dritt," sostna Zammit li nsista illi l-valuri tal-pajjiż nbiegħu "biex jinqdew il-ftit. Nirrifjutaw li dan ta' issa huwa normalizzat, nirrifjutaw li min qed jitkellem qed ikun msejjaħ traditur...qegħdin hawn bħala l-ewwel pass ta' pajjiż li jrid imur lura għas-saltna tad-dritt."
"Għad irridu nikkonvinċu ħafna u ħafna nies dwar kemm din il-bidla hija neċessarja għal pajjiżna...il-poplu magħqud qatt ma jkun mirbuħ.," temm jgħid Zammit lill-folla.
Claudia Taylor East sostniet illi l-poltiċi qed iġibu l-firda, l-mibgħeda, l-agressjoni u d-diżrispett. "Kif se ngħelbu l-preġudizzji jekk mhux bi tmexxija dinjituża u morali? Jistħoqqilna aħjar," qalet East li staqsiet jekk il-midja hux qed tagħmel xogħolha sew u jekk hux qed jaħdmu dejjem għall-verità. "Dak li ġara qatt ma jista jiġi aċċettat bħala xi ħaġa tipika ta' pajjiżna. Hemm bżonn li nsibu l-kuraġġ ġewwa fina biex inħarsu 'l quddiem bi speranza li l-investigazzjonijiet iwasslu għall-verità."
Intant tkellem ukoll Josef Vella li saħaq dwar il-bżonn li l-Gvern jagħti widen u jaġġixxi. "Aħna mhux Gvern li jisma irridu imma Gvern li jagħti widen u jaġixxi."
Fost dawk preżenti kien hemm diversi politiċi minn naħa tal-PN, fosthom Karol Aquilina u anke Richard Cachia Caruana. Joseph Muscat u Adrian Delia ma kienux preżenti.
