Tonio Fenech jisħaq li l-PN tilef il-valuri tiegħu...'agħtu lura l-PN lill-votanti tiegħu'

F'artiklu ta' opinjoni, Fenech jgħid li ħafna jħossu li l-PN m'għadhiex darhom u li l-Partit biegħ ruħu għall-voti

L-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech wera t-tħassib tiegħu li l-Partit Nazzjonalista tilef il-valuri tiegħu hekk kif, "il-valuri saru xi ħaġa personali li m'għandhomx ikunu parti mid-dibattitu. Qalulna li biex nirbħu l-elezzjoni, ridna nkunu iktar miftuħa u naċċettaw il-valuri ta' ħaddieħor, għaliex il-valuri tagħna huma kollha ugwali."

F'artiklu ta' opinjoni li kiteb l-eks Ministru fuq il-gazzetta The Malta Independent, intqal kif il-Partit tilef il-fiduċja li jista' jirbaħ l-elezzjoni bil-valuri. "Ma kellux il-paċenzja li jerġa' jinbena, u minflok beda jfittex rebħiet faċli u ta' malajr, biex hekk waqgħu għan-nasba tal-Partit Laburista, li għamilha daqslikieku tellieqa ta' min se jagħti l-iktar drittijiet ċivili - tellieqa li ma seta' jirbaħ qatt."

Fenech ikkritka wkoll il-lista ta' kandidati li kellu l-Partit għal din l-elezzjoni ġenerali u għamel referenza għall-kandidat Salvu Mallia, li ddeskrivieh bħala "anarkista li jemmen li l-Kristjaneżmu huwa l-għeruq tal-ħażen, li tħalla jikkontesta mal-Partit Demo Kristjan." Fenech qal li "kien sar iktar importanti għall-Partit li jkollu dawn it-tip ta' kandidati, li finalment ġabru biss 115-il vot milli kandidat li fl-elezzjoni preċedenti ġabar kważi 8,000 vot mal-ewwel għadd."

Tonio Fenech kiteb ukoll li kien hemm numru kbir ta' Nazzjonalisti li kellmuh dwar l-uġigħ u l-konfużjoni tagħhom li bħala partit m'għadhomx iħaddnu xi prinċipji jew viżjoni. "Xi wħud qed jgħidu li l-PN m'għadhiex id-dar tagħhom, oħrajn qed jgħidu li biegħejna ruħna għall-voti."

Żied jgħid li billi l-Partit sar iktar liberali, hu sar iktar jixbah lill-Partit Laburista, "u allura l-opinjoni tagħna saret irrelevanti," waqt li sostna li jekk il-Partit jibqa' sejjer hekk, ikun f'riskju li jitlef iktar mill-qalba tiegħu lil partiti li jappellaw għall-valuri tagħhom. Fenech kompla billi appella lill-Kunsilliera u lill-Partit, li żied jenfasizza li hu għadu membru tiegħu, biex jerġgħu jagħtu l-partit lura lill-votanti. Waqt li sostna li l-pajjiż b'mod urġenti jeħtieġ forza DemoKristjana, qal li hu, l-ewwel wieħed ma jibqax membru ta' partit li jsir liberali, b'libsa ta' Nazzjonalist.

Fenech temm jgħid li l-politika hija ċiklu u li xi żmien, "il-poplu se jiddejjaq mil-Labour ukoll, u jrid ikollna l-paċenzja li nerġgħu nibnu l-Partit fuq il-valuri li nemmnu fihom biex nuru li aħna lesti u kompetenti li nservu meta msejħa nagħmlu dan, mingħajr il-bżonn li nsiru partit li ma jintgħarafx u sempliċiment partit ieħor."

More in Politika