Min jibni l-politika tiegħu fuq il-verità u min jibni l-politika tiegħu fuq il-gideb

'Din il-politika ta’ negattivizmu u ta’ gideb se tkun boomerang spettakolari għal Simon Busuttil. Qas hu stess ma jaf kemm...'

Ritratt ta' James Bianchi
Ritratt ta' James Bianchi

F’pajjiżna hawn żewġ gruppi politiċi.

Għandek grupp politiku li jibni l-politika tiegħu fuq il-verità, fuq il-viżjoni għall-futur, fuq il-ħidma, l-enerġija u ħafna xogħol.

Għandek grupp politiku, li għax hu fqir mill-ideat, għax ma jipproponi xejn, jibni l-politika tiegħu fuq il-gideb.

L-aħħar jiem kienu eżempju konkret ta’ dan kollu.

Kellna Prim Ministru li wettaq inizzjattiva wara l-oħra bi Gvern sħiħ għaddej jimplimenta bidliet kruċjali għal pajjiżna. Biżżejjed insemmu l-ftehim storiku dwar iż-żieda fil-minimum wage u s-suċċessi li nkisbu fil-ġlieda kontra l-faqar.

Ħaddieħor, imbagħad, mingħajr ma jipproponi mqar inizzjattiva waħda li hi waħda, iffoka l-enerġija kollha tiegħu biex jigdeb, jitfa’ t-tajn u jipprova jħawwad l-imħuħ.

Din il-politika ta’ negattivizmu u ta’ gideb se tkun boomerang spettakolari għal Simon Busuttil. Qas hu stess ma jaf kemm.

Gideb kontra l-Prim Ministru

Ma’ kull min tkellimt u hu ta’ rieda tajba, jinsab iddispjaċut immens għall-mod kif il-Prim Ministru u l-familja tiegħu ġew attakkati b’gidba kerha u ħoxna. Il-poplu Malti huwa kontra min jigdeb fuq nies innoċenti. Il-poplu Malti jaqbeż għal min hu innoċenti u jaqbeż għal min qed jiġi mċappas b’gideb.

Simon Busuttil dawwar ir-rotta miljun darba fuq il-gidba li tant nefaħ fuq il-Prim Ministru. L-ewwel qal li hija ħaġa sekondarja, imbagħad qal li mhux xogħlu li jġib il-provi, imbagħad qal li mhux hu kien lissen il-gidba u ma nafx x’iktar.

Kieku joffri futur, Simon Busuttil flok jigdeb, jitkellem fuq dan il-futur li se joffri. Imma futur x’joffri m’għandux

Imbagħad meta ra li ħadd iktar ma kien qed jemmnu, spara gidba oħra kontra Keith Schembri. Naħseb minn issa sa tmiem il-leġiżlatura għandna ħafna gideb ta’ dan it-tip x’nisimgħu mingħand Simon Busuttil.

Iktar ma jigdeb, inqas nies jemmnu li Simon Busuttil jista’ joffri futur għal uliedna u ulied uliedna. Għax kieku joffri futur, flok jigdeb, jitkellem fuq dan il-futur li se joffri.  Imma futur x’joffri m’għandux.

Aħbarijiet tajba

Din kienet ġimgħa ta’ aħbarijiet mill-iktar tajba mis-settur kulturali.

L-ewwelnett ħabbarna l-proġett ta’ €1.9 miljun li bih se nagħtu lill-produtturi, artisti u dilettanti tal-mużika rock, spazju fejn ma jagħmlux biss rehearsals imma anke jagħtu performances lill-pubbliku. Dan l-ispazju li se jkun f’Ħal Luqa se jara binja li hija tal-Kunsill għall-Arti tiġi trasformata minn rasha sa saqajha.

Il-flus kollha se jiġu minn fondi pubbliċi u l-Gvern diġà alloka parti sostanzjali minnhom fil-baġit għal din is-sena. Dan fisser li l-proġett jista’ jinbeda hekk kif joħorġu l-permessi mingħand l-awtoritajiet.

Però aħna m’aħniex biss Gvern li jvara pjani ta’ proġetti. Aħna Gvern li jwettaq ukoll.  Din il-ġimgħa lestejna proġett importanti ta’ €1.1 miljun li bis-saħħa tiegħu tajna ħajja ġdida lill-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni li hu sit kulturali dinji skont il-UNESCO. Konvint li dan il-proġett, flimkien mal-proġett li wettaqna ftit tax-xhur ilu fit-tempji ta’ Ħal Tarxien, se jkompli jivvalorizza dan is-sit tant importanti għal pajjiżna.

Peress li, kif jgħidu, non c’é due senza tre, kien hemm ukoll it-tielet aħbar tajba f’dan il-qasam meta ħabbarna li se jitqassmu miljun Ewro fi flus li ġejjin miċ-ċitazzjonijiet lill-Kunsilli Lokali u Reġjuni. Intlaħaq qbil mal-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali biex waqt li l-maġġoranza tal-fondi jmorru għat-toroq, parti mhux żgħira minn dawn il-fondi jmorru mhux biss fejn jidħlu attivitajiet reġjonali li jorganizzaw b’tant suċċess ir-Reġjuni minn żmien għal żmien imma anke għal udjenzi ġodda fit-teatri tal-komunitajiet tagħna. Konvint li dan ix-xogħol se jinħass iktar u iktar hekk ma jgħaddi ż-żmien u se jgawdu minnu l-familji Maltin u Għawdxin.

 

Anke fil-qasam tal-Ġustizzja

Anke fis-settur tal-Ġustizzja komplejna naraw riżultati importanti ħafna f’żewġ setturi li huma delikati għax jolqtu lill-pubbliku mill-qrib.

L-ewwelnett, fil-Qorti tal-Familja rajna riżultati sbieħ ħafna fejn, għad li qed jiżdiedu l-ammont ta’ medjazzjonijiet (li jfisser li sfortunatament iktar familji qed jgħaddu minn diffikultajiet), l-ammont ta’ medjazzjonijiet li ngħaqlu bi qbil (bonarjament) sploda bil-konsegwenza li naqsu l-ammont ta’ kawżi li nfetħu fl-ewwel tliet xhur tas-sena meta mqabbel ma’ ħames snin ilu.  Anke l-ammont ta’ kawżi pendenti fil-Qorti tal-Familja naqas bi 18 fil-mija f’ħames snin.

It-tieni nett fejn jidħlu l-ġurijiet rajna titjib konsiderevoli fl-ammont ta’ ġurijiet pendenti kemm fl-ewwel grad u anke fl-appell. Jekk nieħdu l-Qorti li tisma’ l-appelli mill-ġurijiet insibu li f’temp ta’ ħames snin minn sitwazzjoni fejn għal kull appell li jinqata’ jidħlu erbgħa, issa qegħdin f’sitwazzjoni fejn jinqatgħu tliet appelli għal kull wieħed li jidħol.

Din hi d-differenza li qed nagħmlu għall-ġid tal-familji u s-soċjetà Maltija.

Dan kollu ma sarx waħdu jew waqa’ mis-sema. Dan kollu sar frott ħidma mill-Ġudikatura u l-prosekuturi, l-istaff tal-Qorti u d-diversi professjonisti li kollha jiġbdu ħabel wieħed.

Konvint li minkejja li s-settur tal-Ġustizzja hu estranju għal ħafna persuni, il-poplu jifhem u japprezza l-bidliet li qed nagħmlu u t-titjib li qed nuru.

Determinat għal iktar ħidma li tħalli l-frott f’dan is-settur.

More in Politika