Rapport fil-Malta Today jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fuq Demarco

Terġa tinfetaħ il-ferita antika fil-konfront bejn il-familja Demarco u l-familja Fenech Adami

Rapport ta'l-Malta Today ħareġ fil-beraħ li d-ditta ta' Mario Demarco kienet qed tiġi mħallsa biex tagħti konsulenzi lin-negozjant u 'hotelier' Silvo Debono dwar il-bini tal-kumpless f'San Ġorġ flok fejn hemm l-ITS illum. Dan meta fil-fatt il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kap Simon Busuttil dalgħodu stess stqarr li l-kuntratt se jintbagħat lill-awditur Ġenerali biex jiċċekkja u jinvestiga jekk hemmx xi korruzzjoni. Dan il-fattur donnu li fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fuq l-viċi Kap Mario Demarco fejn frazzjoni mill-Partit Nazzjonalista filwaqt li qed ifaħħar l-mod iebes u militanti ta' iben Eddie Fenech Adami, Beppe fil-konfront tal-labour u jitlob ir-riżenja ta' Mario Demarco, iben Guido Demarco. Min jaf jew għex l-istorja tal-Partit Nazzjonalista jaf li bejn dawn iż-żewġ politiċi kbar li mmiitaw fil-Partit Nazzjonalista dejjem kien hemm xi forma ta' 'battalja' moħbija li bdiet bl-elezzjoni għal min isir Kap li kienet mirbuħa minn Eddie Fenech Adami. Il-fatt li l-kandidati ġodda u voċiferi tal-PN, Salvu Mallia u David Thake ħarġu fil-beraħ isemmgħu leħinhom kontra Demarco wara din l-istorja li ħarġet fil-Malta Today, juri wkoll li warajhom hemm diversi oħra li għażlu li ma jiftħux ħalqhom iżda jaħsbuha bħalhom. Anke partitarji Nazzjonalisti hemm min qed jaqbel magħhom u oħrajn le. Hemm min qed jitlob r-riżenja minn Deputat Kap ta' demarco u hemm min qed imur oltre li dan għandu jirriżenja mill-Partit. Fil-fatt l-artikolista u l-blogger Daphne Caruana Galizia wieġbet fil-blog tagħha lil persuna li qal li wasal iż-żmien li dawn iż-żewġ ulied tal-eks mexxejja Nazzjonalisti għandhom jitilqu mix-xena tal-PN.  Caruana Galizia qalet li Guido Demarco ma kienx mexxej kbir iżda bastun fir-roti għal Fenech Adami. Hi tkompliet tfaħħar il-mod kif qed jattakka lil partit Laburista Beppe Fenech Adami u jkun ħażin jekk il-partit jitlef l-aktar leħen b'saħħtu mill-bankijiet tiegħu. "M'hemm ħadd fuq il-bankijiet tal-oppożizzjoni li kapaċi jċarrat fil-partit laburista bħalu, u għakhekk li qed jagħmluh bersall u jipproteġu lil Mario Demarco."

Fuq 'post' ieħor Caruana Galizia wieġbet dak li kiteb Salvu Mallia meta qalet li sfortunatament Mario demarco kien imtella minn missier (raġel) li għalih il-kompromess u l-opportuniżmu (u l-flus) kienu aktar importanti mill-prinċipju. U issa dan qed jidher fiċ-ċar anke jekk kont naħseb li hu differenti mill-bqija tal-familja. Ma nista xinkun diżżapuntata aktar milli jien illum" temmet tikteb Caruana Galizia.

Simon Busuttil min-naħa tiegħu dalgħodu fl-Isla qal li hu jaċċetta li Demarco għażel il-partit u ċeda l-konsulenza tiegħu ma' Silvio Debono. Pero jidher li l-istorja fuq il-Malta Today reġgħet xegħlet il-ftila tan-niċċa tal-bomba bejn il-familji Demarco u l-Fenech Adami's u fl-istess ħin fetħet l-istaġun tal-kaċċa biex Mario Demarco jitwarrab mill-partit nazzjonalista. Għalkemm hu fatt ukoll li anke jekk ma qablux ma' Demarco dwar dan il-fatt xorta jemmnu li Demarco għadu jiswa lil Partit nazzjonalista li qed jaħdem bis-sħiħ li jerġa jieħu f'idejh il-gvern u għalhekk għandu bżonn iż-żewġ frazzjonijiet sew dik tal-familja Demarco kif ukoll dik ta' Fenech Adami.

More in Politika