"Il-liġijiet il-ġodda dwar l-istampa, mhux biss se jiftħu bibien ġodda għal-libertà ta' espressjoni tal-ġurnalisti, iżda juru wkoll li l-Gvern qed jieħu direzzjoni differenti biex jimmodernizza liġijiet eżistenti, u jagħmilhom simili, u f'ċerti każi anke aħjar minn dawk ta' demokraziji moderni oħra."
Dan sostnieh il-Ministri għall-Ġustizzja, Owen Bonnici fi stqarrija li ħareġ aktar kmieni llum.
"Lilhinn mill-mottivi ulterjuri," qal il-Ministru, "id-diskussjoni li qamet dwar ir-reġistrazzoni ta siti li jirrappurtaw l-aħbarijiet, hija biss estensjoni ta' dak li diġà jeżisti llum, fejn stazzjonijiet li jxandru u kumpaniji li jippublikaw media u aħbarijiet iridu jirreġistraw l-isem tal-Editur tagħhom.
Il-Ministru saħaq li gazzetti u stazzjonijiet televiżivi ilhom jirreġistraw isem id-direttur tagħhom sa mill-1975, meta nħolqot il-liġi dwar l-istampa. "Bħal fi kwalunkwe demokrazjia oħra,dan il-pass lejn aktar trasparenza se jsir sabiex il-pubbliku jkollu aċċess għall-informazzjoni," spjega Bonnici.
L-abbozz il-ġdid dwar il-media inħoloq wara konsultazzjoni ma' numru ta' partijiet interessati u l-Gvern lest li jibqa' jilqa' suġġerimenti u proposti fuq kwalunkwe parti mill-liġi, anke waqt dibattitu Parlamentari, sostna Bonnici.
"l-Gvern jixtieq jagħmilha ċara li l-protezzjoni tas-sorsi ta' ġurnalist se tibqa', anke jekk l-editu mar jirreġistrax isimhom fir-reġistru tal-Istampa."
Il-Ministru saħaq li, l-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni ġejja mill-fatt li "ma fadallux argumenti x'jagħmel, ħlief li jibqa' jipprova joħloq dubji fuq punt wieħed biss minn dawk proposti u diskussi. "Dan," sostna Bonnici, "minflok ma qiegħed jagħmel kontribut pożittiv għall-proposta ta' liġi li hija importanti ħafna għad-demokrazija tagħna."
Bonnici temm jgħid li l-liġi l-ġdida se ssaħħaħ il-libertà tal-espressjoni tal-ġurnaliżmu, flimkien mat-tneħħija ta' libelli kriminali, it-tkabbir tad-difiżi għall-ġurnalisti waqt kawżi ċivili u l-projbizzjoni fuq il-ħruġ ta' mandati ta' libelli.
Intant, waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista... il-viċi kap tal-Partit, Mario de Marco wissa li r-reġistrazzjoni tas-siti tal-internet se tnaqqas il-libertà u l-attiviżmu politiku.
"L-internet huwa dinja fih innifsu, u hemm bżonn li aħna nagħrfu dan. Siti ta' individwi ma jistgħux jitpoġġew fuq l-istess livell tal-gazzett," qal De Marco, hekk kif qal li l-PN huwa kontra l-proposta li se titlob lis-sidien ta' siti tal-aħbarijiet biex jirreġistraw ruħhom bħala edituri ta' dak is-sit mar-reġistru tal-Istampa tal-Gvern.
De Marco wissa li l-proposta, inkluż it-tibdil fuq il-liġi tal-Istampa preżenti, se tillimita d-drittijiet tan-nies li jesrpimu ruħhom online u tiskoraġġixxihom minn attiviżmu politiku.
De Marco spjega li l-Att dwar l-Istampa bħalissa jitlob li edituri u publikaturi ta' gazzetti jirreġistraw ruħhom, u li dwar dan ma jsibx oġġezzjoni, li kieku l-liġi testendi biss għal siti tal-aħbarijiet. Iżda huwa insista li s-siti ta' ċittadini privati ma jistgħux jitpoġġew fuq l-istess livell ta' dawk fil-pussess ta' gazzetti.
"Il-verità hija li l-internet huwa ħafna differenti mill-gazzetti, u li t-tixrid tal-informazzjoni online ma tistax tiġi mqabbla mal-informazzjoni li tinstab fuq il-gazzetti. L-internet huwa dinja fih innifsu u aħna għandna bżonn nagħrfuh dan, hekk kif ma nistgħux nużaw għodod tal-passat biex nirregolaw ir-realitajiet tal-preżent," qal De Marco.
Huwa temm jgħid li l-problema tiggrava bid-definizzjoni vaga li qegħda tingħata ta' 'website', bħala "kwalunkwe servizz tal-aħbarijiet online, jew siti oħrajn li joffru servizzi ta' aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti li jopera minn Malta jew fir-rispett ta' liema deċiżjonijiet editorjali jittieħdu f'Malta."