
Il-Prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-UE
Il-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandha sservi biex jibda il-proċess sostenibbli li jirrestawra il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej
minn Staff Reporter

Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech jemmen li l-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li għandha sservi biex jibda il-proċess sostenibbli li jirrestawra il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej. Grech qal li l-Presidenza Maltija għandha tkun il-bidu biex inħarsu lejn x’hemm bżonn li jsir biex l-proġett Ewropew jiġi msostni b’mod vijabli.
Malta, flimkien mal-Islovakki u l-Olandiżi qablu fuq aġenda strateġika li ġġib tkabbir ekonomiku, sostenibilità u impjiegi; kompettività; protezzjoni taċ-ċittadini; għaqda fl-enerġija tal-UE; titjib fil-klima; sigurtà; ġustizzja u ħelsien; li jgħaqdu l-Unjoni Ewropea bħala attur prinċipali globali. Grech stqarr li minn din l-aġenda strateġika ħarġu l-prijoritajiet li Malta ħa tkun qed taħdem fuqhom waqt il-Presidenza, li tibda ftit ġimgħat oħra.
Il-program ta’ xogħol li jinkorpora fih il-prijoritajiet ewlenin jinkludu l-migrazzjoni, is-suq intern, is-sigurtà, l-inklużjoni soċjali, il-politika tal-viċinat, u s-settur marittimu.
Dawn is-sitt prijoritajiet ġew diskussi l-ġimgħa li għaddiet wara li l-Kabinett Malti kien qiegħed jattendi laqgħat fi Brussell sabiex flimkien mal-Presidenti tat-tliet istituzzjonijiet Ewropej jiddiskutu t-temi ewlenin li se jiddominaw l-aġenda Ewropea minn Jannar sa’ Ġunju tas-sena d-dieħla. Il-prijoritajiet fundamentali huma intiżi sabiex jagħtu direzzjoni lill-ewropa f’dan l-isfond li tinsab fih.
Louis Grech semma’ li Malta se jkollha l-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE għall-ewwel darba f’pajjiżna. Huwa kompla billi aċċenna li din ħa tkun kemm sfida kif ukoll opportunità għalina bħala nazzjon. Grech stqarr li l-ewwel sitt xhur tal-2017 ħa jkunu okkażżjoni għal Malta u għaċ-ċittadini tagħha biex juru li anke l-iżgħar Stat Membru tal-Unjoni jista’ jikkontribwixxi għall-prosperità, il-paċi u s-sigurtà tagħha.
Grech sostna li fil-konfront tal-migrazzjoni, Malta trid li ssaħħaħ u tissimplifika s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, miżura li sservi bħala mezz ta’ distibuzzjoni iktar ġusta tal-piż bejn l-Istati Membri.
F’dak li hu suq uniku u s-suq uniku diġitali, hu qal li Malta ħa ssaħħaq is-suq tas-servizzi billi jkun indirizzat l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u titneħħa t-tariffa tar-roaming mal-Ewropa li għandha ġġib kambjament tanġibbli f’ħajjiet il-poplu.
Fuq l-isfond tas-sigurtà fl-Ewropa, Grech kien tal-fehma li jrid jinħalaq progress sinikfikanti għal ġestjoni imtejba tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, inkluż it-twaqqif ta’ sistema Ewropea għar-reġistrazzjoni tad-dħul u tal-ħruġ ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi.
Rigward l-inklużjoni soċjali, Grech stqarr li għandha tingħatha prijorità biex titkompla l-ħidma u l-iżvilupp tal-European Social Pillar, billi jiġu ndirizzati r-realtajiet li dejjem qegħdin jinbidlu fid-dinja tax-xogħol u b’hekk issir konverġenza fl-Ewropa f’dan il-qasam. Huwa żied jgħid li jrid jkun żgurat li n-nisa Ewropej ikollhom aċċess sħiħ għas-suq tax-xogħol, tkun aktar indirizzata il-vjolenza marbuta mas-sess tal-persuna, u jittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi meta jiġu ddeterminati karigi ta’ diretturi f’kumpaniji pubbliċi.
Fid-dawl tal-instabilità li dejjem qed tiżdied lil hinn mill-fruntieri Ewropej, il-Presidenza Maltija ser tiffoka biex titkattar id-demokrazija u s-sigurtà fil-viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar, b’enfasi partikolari fuq l-istabbilizzazzjoni u l-unifikazzjoni tal-Libja, stqarr id-Deputat Prim Ministru.
Fuq is-settur marittimu, Louis Grech kien tal-opinjoni li rridu ntejjbu l-governanza tal-oċeani, b’mod partikolari fin-nofsinhar tal-Baċir tal-Mediterran.

Waqt l-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza 2017 u Fondi Ewropej Dr Ian Borg spjega kif saret l-għażla tal-logo li ser jirrappreżenta l-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017. Hu spjega kif ftit żmien ilu kienet ingħatat opportunita’ lill-ġenerazzjoni żagħżugħa t’artisti tal-arti viżiva u disinjaturi li qed jattendu l-Istitut tal-Arti u d-Disinn fl-MCAST. Minn 29 disinn intgħażel il-kunċett ta’ Alexia Muscat li juri fond tas-salib ta’ Malta; emblema li tirrapreżenta n-nazzjon tagħna, u jfakkar il-kuraġġ, il-lealta’ u l-perseveranza ta’ niesu. Dr Borg spjega kif il-linji tal-logo inħadmu mill-ġdid permezz ta’ forom u simboli li jirrappreżentaw uħud mit-tradizzjonijiet kulturali Maltin – l-iktar l-imtieħen tal-qamħ, il-luzzu, ix-xogħol tal-madum u l-ħabbata tradizzjonali Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lill-istudenti u l-għalliema kollha tal-MCAST li daħlu għal din l-idea b’tant ħeġġa u entużjażmu. Hu kkonkluda billi fakkar li fiż-żmien li Malta tkun fit-tmun tal-Presidenza tal-Kunsill, iridu nħarsu lura lejn dak li diġa ksibna bħala kontinent fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tas-60 sena anniversarju mill-iffirmar tat-Trattar ta’ Ruma – l-ewwel pass lejn Unjoni Ewropea li wasslitna fejn ninsabu llum.
Id-Deputat Prim Ministru qal li flimkien ma’ dawn is-sitt prijoritajiet, waqt il-Presidenza Maltija se jkunu diskussi wkoll in-negozjati fuq il-Baġits tal-UE għall-2018-2020 fid-dawl li jista’ jkun hemm bżonn li jsir investiment f’setturi importanti bħal migrazzjoni u l-politika esterna tal-Unjoni Ewropea.
Grech kien ċar li Malta ħa tibqa għaddeja bil-ħidma tal-Presidenza anka waqt li jkunu għaddejin it-taħdidiet fuq Brexit, li tista’ ġġib sfidi kbar u komplessi fuq l-aġenda tal-Presidenza Maltija. Huwa stqarr li bi tmexxija u b’sens ta’ viżjoni l-Unjoni Ewropea kapaċi tevolvi b’mod b’saħħtu u b’mod vibranti.
Id-Deputat Prim Ministru qal li l-Presidenza Maltija għandha tkun waħda li ġġib riżultati b’suċċessi tanġibbli fl-oqsma li jġibu kambjamenti evidenti f’ħajjiet iċ-ċittadini Ewropej. “L-opportunità li għadna quddiemna ser turi li għalkemm aħna pajjiż żgħir u għadna riżorsi limitati u quddiemna sfidi kbar, nemmen illi din se tkun okkażjoni sabiex nuru l-maturità tagħna bħala nazzjon”, temm jgħid Grech.

