53% jħossu li l-Gvern sejjer 'tajjeb ħafna'

L-istħarriġ onlajn tal-illum.com.mt tal-ġimgħa l-oħra juri li maġġoranza jqisu li l-Gvern preżenti sejjer tajjeb...numru ta' Laburisti jibqgħu jilmentaw dwar inġustizzji li saru fil-passat u li għadhom mhux indirizzati

Iktar min-nofs ta’ dawk li vvutaw fl-istħarriġ tas-sit illum.com.mt jemmnu li fl-ewwel tliet snin fil-Gvern, il-Partit Laburista mar tajjeb ħafna. Kienu 2,478 vot  li daħlu fl-istħarriġ li sar online, bil-mistoqsija tkun, ‘Kif taħseb li kienu l-ewwel tliet snin ta’ Gvern Laburista?’. Għal dan, iktar min-nofs wieġbu li tajjeb ħafna, waqt li dawk li jemmnu li f’dawn is-snin, il-Gvern mar ħażin ħafna, kienu iktar minn 360, bi ftit inqas minn 15%. Minkejja dan, f’bosta mill-kummenti li għaddew il-qarrejja tas-sit iddominat l-għajta biex il-Gvern jieħu ħsieb dawk il-Laburisti mweġġgħin, u ilhom snin taħt il-PN isofru minn inġustizzji.

Minkejja li fil-kummenti tagħhom, ħafna qalu li bħala Gvern, sejjer tajjeb, iżda jeħtieġ li ma jinsihomx. Dan sostnietu Nadia Camilleri fil-kumment tagħha fejn qalet, ‘Għall-poplu in ġenerali, il-Gvern għamel ħafna ġid. Għal-Laburisti i kienu leali u tkasbru, m’għamel xejn. Dawn intesew u qalb muġugħa, ġustizzja tkun trid u mhux kliem fieraħ’, u kumment ta’ ċertu Michael Zerafa li sostna, ‘Ħudu ħsieb il-Laburisti qabel ikun tard wisq’.

Diversi kummenti li qalu li bħala Gvern, dak Laburista sejjer tajjeb però jeħtieġ li jieħu ħsieb entitajiet li għadhom mimlija bin-Nazzjonalisti, u kummenti bħal dak ta’ Lora Briffa jistaqsu, ‘Possibbli m’hawnx Laburisti li kapaċi jmexxu programm? F’ċerti programmi, qishom in-Nazzjonalisti jinsabu fil-Gvern.’

Kummenti oħrajn elenkaw dawk il-setturi li indirizza dan il-Gvern fl-ewwel tliet snin tiegħu, u l-miżuri pożittivi li ħa f’dawn is-snin bħat-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u ċ-childcare b’xejn.

Kummenti bħal dawk ta’ A.M. Galea komplew iwiddbu l-Gvern biex jagħti kas u joqgħod attent għal ċerti nuqqasijiet, ‘jiena naħseb li kienet tajba f’ħafna affarijiet, iżda kien hemm ukoll xi affarijiet li setgħu jiġu evitati għax għalkemm ma sarux b’intenzjonijiet ħżiena, malajr issib min jibda jgħajjat li teżisti korruzzjoni lampanti. Nispera u nawgura li jiġu evitati żbalji bħal dawn biex l-oppożizzjoni ma tkomplix tapprofitta ruħha minn dawn in-nuqqasijiet.’

More in Politika