Bżonn ta' 'azzjoni immedjata' rigward il-Batterija tal-Qbajjar, jgħid kandidat tal-PN

Luke Said, kandidat tal-Partit Nazzjonalista, qed jitlob lill-awtoritajiet biex jibdew ir-restawr tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda minnufih u biex jaraw li s-sit huwa sigur

Il-Batterija tal-Qolla l-Bajda (Ritratt: Luke Said)
Il-Batterija tal-Qolla l-Bajda (Ritratt: Luke Said)

Luke Said, kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-tielet distrett, qed jappella lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni immedjata fir-rigward tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda, magħrufa wkoll bħala l-Batterija tal-Qbajjar, li tinstab fiż-Żebbbuġ, Għawdex.

Minkejja li f’Jannar li għadda kienet uffiċjalment trasferita mill-Awtorità tal-Artijiet lil Heritage Malta għar-restawr u l-preservazzjoni tagħha, jidher li l-batterija storika, li ilha mis-seklu 18, tinstab fi stat ta’ abbandun u traskuraġni gravi. Dan minkejja wkoll li l-batterija hija binja skedata ta’ Grad 1 u ilha snin twal teħtieġ restawr urġenti.

Meta tħabbar it-trasferiment tagħha, dan kien milqugħ bħala pass importanti u li ilu jmissu li sar sabiex il-wirt storiku prezzjuż ta’ Għawdex jiġi salvat minn telf permanenti. Iżda, qal Said, "filwaqt li r-restawr bilfors ħa jieħu ż-żmien, is-sitwazzjoni tas-sit ta' bħalissa hija inaċċettabbli."

L-abbandun jiftaħ il-bieb għall-vandaliżmu

Skont Said, ir-residenti tal-inħawi qrib il-Qbajjar ikkuntattjawh biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-kundizzjoni dejjem aktar gravi tas-sit, speċjalment minħabba l-inazzjoni ta' Heritage Malta u n-nuqqas ta' restawr li qed isir bħalissa.

Il-kandidat tal-PN stqarr li l-batterija tinstab miftuħa u d-dħul tagħha mhux maqful, fatt li wassal għal vandaliżmu u iktar ħsara biex iseħħu fis-sit storiku.

L-istat tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda (Ritratt: Luke Said)
L-istat tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda (Ritratt: Luke Said)
L-istat tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda (Ritratt: Luke Said)
L-istat tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda (Ritratt: Luke Said)

“Dan qed iwassal għal tħassib serju dwar kemm l-awtoritajiet huma verament impenjati biex jissalvagwardjaw dan is-sit ta' patrimonju storiku,” qal Said. "Speċjalment minħabba li għad m'hemm l-ebda applikazzjoni għall-permess għar-restawr."

Il-kandidat aċċenna wkoll għall-fatt li l-Gvern irriġetta proposta mill-NGO Din l-Art Ħelwa u l-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ, minkejja s-suċċess ta' kollaborazzjonijiet simili fil-passat. Iżda, qed jgħid, din id-deċiżjoni biex ir-responsabbiltà tkun iċċentralizzata titlob "l-akkontabbiltà u progress viżibbli."

Talbiet urġenti

Fid-dawl tal-inazzjoni ta' Heritage Malta, Said qed jitlob lill-Gvern biex l-ewwel nett, is-sit ikun maqful u assigurat permezz ta' xi lqugħ u miżuri ta' sigurtà bażiċi. B'hekk jista' jitwaqqaf milli jsir iktar vandaliżmu.

Barra minn hekk, talab biex ir-restawr ta' din is-sit jibda minnufih. Fl-aħħar talab biex ikun hemm kollaborazzjoni ma' NGOs u kunsilli lokali li huma esperjenzati f'dawn is-sitwazzjonijiet; bħala eżempju, Said qal li Din l-Art Ħelwa u l-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ għandhom jiġu involuti mill-ewwel f’mudell trasparenti u mmexxi mill-komunità.

Said temm l-istqarrija tiegħu billi talab lill-Heritage Malta, l-Awtorità tal-Artijiet u l-Gvern Malti sabiex juru impenn serju biex dan il-monument jiġi protett u restawrat bl-urġenza li jistħoqqlu.

“Il-Qolla l-Bajda hija l-aħħar batterija ta’ din ix-xorta f’Għawdex. Kull ġurnata li tgħaddi mingħajr azzjoni tfisser pass eqreb lejn telf irreversibbli,” qal Said. "Il-ħin biex naġixxu hu issa. Ejja nħarsu wirtna qabel ma jgħib għalkollox."

More in Politika