FILMAT | Tiġdid intern wassal għal Gvern imġedded, jgħid Abela lill-partitarji Laburisti

Il-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela jgħid li l-Partit Laburista sema' mill-poplu u b'hekk wasal għat-tiġdid tiegħu nnifsu, u wissa li l-partit m'għandu qatt jasal fl-istat tal-Partit Nazzjonalista • Abela jgħid ukoll li l-Baġit tal-2025 ħa jkollu miżuri iktar b'saħħithom rigward il-pensjonijiet u l-benefiċċji tat-tfal

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza folla partitarji Laburisti (Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista)
Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza folla partitarji Laburisti (Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista)

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li "t-tiġdid fil-Partit Laburista wassal għal tiġdid fi ħdan il-Gvern", waqt li kien qed jindirizza lill-partitarji nhar il-Ħamis filgħaxija.



“Sena ilu, irbaħna żewġ elezzjonijiet. U filwaqt li l-poplu warrab lill-PN, bagħatilna messaġġ ċar: il-PL jibqa’ l-partit li l-poplu jafda biex imexxi l-pajjiż, iżda li hemm bżonn li nġeddu lilna nfusna u nagħtu widen aħjar għall-ħtiġijiet tal-poplu,” qal Abela.

Abela kien qed jagħti d-diskors tal-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista. Qal li l-partit sema’ mill-messaġġ tal-poplu u wettaq ħidmitu “mingħajr ma joqgħod jivvinta l-iskużi.”

“L-imħabba li għandna lejn il-pajjiż tidderieġi xogħolna. Kull min għadu kemm jidħol fl-amministrazzjoni komplew jibnu fuq it-tajjeb li wettqu ta’ qabilhom,” qal il-Kap tal-Partit Laburista.

Abela mbagħad għamel paragun mal-Partit Nazzjonalista, fejn qal li l-poplu ma jistax jafda partit li m’għandux kollox f’postu. “Jekk m’intix f’pożizzjoni tajba biex tmexxi partit, kif se jafdawk in-nies biex tmexxi pajjiż?” staqsa.

Fost il-miżuri li ġew approvati waqt il-konferenza kien hemm l-ingaġġ ta’ awdituri ġodda – Grant Thornton – għall-PL. “Min-naħa l-oħra għandek PN li lanqas awditur ma jsibu. Ir-realtà hi li ilhom snin jiksru il-liġi tal-Kummissjoni Elettorali,” qal Abela, u żied jgħid li l-PN għandu €35 miljun dejn. “Ma rridux naraw lill-PL jispiċċa fis-sitwazzjoni tal-PN illum.”

Spjega li filwaqt li l-PN qed iħabbat wiċċu ma' kunflitti interni, il-PL qed ikompli jintroduċi miżuri ġodda. “Jekk jiġu fdati bil-tmexxija tal-gvern, se jkunu verżjoni oħra ta' Gonzi PN,” qal il-Prim Ministru.

Miżura oħra li ġiet introdotta fl-istatut tal-partit hi li se ll-kumitati lokali se jingħataw aktar setgħa sabiex ikollhom vuċi aktar b’saħħitha fl-istrutturi interni tal-partit. “Dan jibni fuq l-akbar saħħa tagħna – il-bażi popolari tal-partit,” qal il-Kap Laburista.

B’ħarsa lejn il-ġejjieni, Abela ħeġġeġ lill-partitarji biex ma jiddejqu xejn mit-titli ta' soċjalisti u xellugin għax fil-fatt, il-Baġit tas-sena d-dieħla se jħaddan dawn il-prinċipji.

Huwa qal li l-Gvern se jkompli jżid l-infiq fuq il-pensjonijiet u biex jgħin lill-familji jieħdu ħsieb it-tfal, kif ukoll jintroduċi miżuri mmirati għal diversi setturi tas-soċjetà.

Id-Deputati Mexxejja tal-PL, Alex Agius Saliba u Ian Borg, ukoll indirizzaw lill-partitarji, u tkellmu dwar kif it-tiġdid intern ta ħajja ġdida lill-partit.

More in Politika