Il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech fi żmien 52 siegħa fetħet it-tieni libell kontra l-Prim Ministru u kontra l-Partit Laburista eżattament kontra l-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef.
Ann Fenech qalet li fetħet dan it-tieni libell wara stqarrija li nħarġet mill-Partit Laburista u li fiha ġie allegat li Ann Fenech ilha b’kumpanija fil-Panama mill-2003 u li żammet kollox moħbi.
Dwar dan, il-President tal-Eżekuttiv tal-PN qalet li din l-istqarrija kienet attentat biex il-Partit Laburista jtellef jew inaqqas mir-reputazzjoni tagħha. Fl-aħħar jiem il-Partit Laburista nfexx f’attakk fil-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, b’billboards u reklami fuq il-media soċjali. Il-midja tal-PN kitbet ukoll li Keith Schembri kien qal li se jieħu passi billi jiftaħ il-libelli. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, jiġifieri aktar minn sebat ijiem ilu, Keith Schembri ma ħa l-ebda passi u għadu ma fetaħx libell wieħed, tkompli tgħid il-midja tal-PN.