.png)
Preokkupanti li Simon Busuttil jgħid li r-racket kien jibqa' għaddej kieku l-PN tela' fil-Gvern - PL
Ir-reazzjoni tal-PL dwar dak li ġara fix-xhieda tal-whistleblower Joe Cauchi

More in Politika
Ir-reazzjoni tal-PL dwar dak li ġara fix-xhieda tal-whistleblower Joe Cauchi
"Hija preokkupanti li l-Kap tal-Oppożizzjoni jibgħat messaġġ fejn qed jgħid li kieku l-Partit Nazzjonalista reġa’ tela’ fil-Gvern kien jibqa’ għaddej dan ir-racket." Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista dwar dak li ġara fix-xhieda tal-whistleblower Joe Cauchi fuq il-każijiet ta' allegati xogħlijiet għall-voti f'Għawdex.
"Ninsabu preokkupati fuq dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, li qiegħed jaspira li jsir Prim Ministru, fejn Simon Busuttil qal lill-whistleblower ‘ kif bqajt għaddej bix-xogħlijiet meta kont taf li l-Partit Nazzjonalista kien ser jitlef l-elezzjoni.’ Permezz ta’ dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni bagħat messaġġ fejn qed jgħid li kieku l-Partit Nazzjonalista reġa’ tela’ fil-Gvern kien jibqa’ għaddej dan ir-racket."
Stqarr dan id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Toni Abela, meta flimkien mas-Segretarju Parlamentari Ian Borg kien qed jindirizza Konferenza tal-Aħbarijiet, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun.
Toni Abela aċċenna għall-fatt kif il-whistleblower dejjem baqa’ konsistenti mal-verżjoni tiegħu, dan bil-kontra tal-Kap tal-Oppożizzjoni li daqqa jgħid biċċa u daqqa jgħid oħra. Id-Deputat Laburista stqarr li minkejja s-soltu Simon Busuttil joħroġ sparat iwieġeb fuq kull ħaġa, minn mindu saret din id-dikjarazzjoni mill-whistleblower fil-Qorti, l-istess Kap tal-Oppożizzjoni għadu ma qal xejn u qiegħed jiddomina s-silenzju. Abela semma wkoll kif Simon Busuttil kompla jbaxxi l-istandards għax il-predeċessur tiegħu, Lawrence Gonzi meta kien ikun hemm xi ħaġa hekk kien jibgħat lin-nies għand il-Kummissarju tal-Pulizija, iżda bil-kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għamel xejn.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Ian Borg qalli huwa "sorpriz għall-fatt li lbieraħ ma kienx hemm reazzjoni mill-Kap tal-Oppożizzjoni għax-xhieda tal-whistleblower meta dan tal-aħħar qal li Busuttil qalu kif baqa’ sejjer bix-xogħol meta kien jaf li l-Partit Nazzjonalista kien ser jitlef l-elezzjoni, minkejja li fl-istess waqt li l-bieraħ stess ftit wara li bdiet is-seduta, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ stqarrija fejn fiha ftakar x’kien intqal fil-laqgħa li kellu mal-whistleblower f’Ġunju 2013."
Ian Borg qal li "Simon Busuttil kien Viċi Kap li kien jaħdem biswit il-Prim Ministru Lawrence Gonzi li fil-kampanja elettorali kienu qed jgħidu li fid-9 ta’ Marzu nivvutaw u fl-10 ta’ Marzu niċċelebraw, jiġifieri li kieku reġa tela’ l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, Giovanna Debono, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil kienu jħallu dan kollu għaddej qisu xejn mhu xejn?"