Erbgħa NGO’s ta’ l-annimali, SPCA Malta, Island Sanctuary, AAA u Noah’s Ark ingħaqdu flimkien bex joħorġu appell lil kull min f’Malta u Għawdex iħobb l-annimali biex jivvota favur il-ħajja fir-referndum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Dawn l-erbgħa NGO’s bejniethom jieħdu ħsieb madwar 1000 kelb u qattus. Jitimgħawhom u jieħdu ħsiebhom kuljum, iżommuhom il-bogħod mit-toroq u jippruvaw isibulhom dar ġdida.
F’dan id-dawl ħarġu appell lil kull min fil-gżejjer Maltin ihobb l-annimali biex jivvota LE fir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa. “Aħna nemmnu li l-passjoni u mħabba tagħna għall-annimali mhijiex limitata għal sħabna ta’ erba saqajn, imma anki għall-annimali kollha li għandhom bżonn il-protezzjoni tagħna. Fil-fatt rapport maħruġ mill-Wild Birds Regulation Unit juri li n-numri tas-summien u gamiem huma fl-inqas livell qatt irrekordjat fl-Ewropa. Skond dan ir-rapport, in-numru tal-gamiem niżel b’3% anqas mill-2012, li jfisser tnaqqis ta’ 77% fil-popolazzjoni Ewropeja ta’ din l-ispeċi mill-1980. Għalhekk m’hemmx dubju li ma jagħmilx sens li l-gamiem u summien jinqatlu meta jkunu fi triqthom biex ibejtu.”
Ir-rappreżentanti ta’ l-għaqdiet ta’ l-annimali qalu wkoll li ħafna minn nies li jappoġjawhom huma ovvjament sidien ta’ klieb. “Aħna rridu naraw li din ir-rebbiegħa l-art pubblika fil-kampanja tagħna terġa tkun aċċessibli.”