“Illum hija l-ewwel ġurnata li fiha n-negozji ta’ pajjiżna se jgawdu minn roħs ta’ 25% fil-kontijiet tagħhom tad-dawl u l-ilma. B’dan il-pass wettaqna għal kollox il-wegħdiet tagħna dwar ir-roħs fil-kontijiet, tal-familji s-sena li għaddiet u tan-negozji mil-lum”.
Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt intervista fuq ONE Radio mal-ġurnalist Aleander Balzan. Filwaqt li laqa din l-aħbar li tirrifletti eżatt dak imwiegħed mill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali, Muscat irrimarka kif illum ħadd m’għadu jiddiskuti dwar ir-roħs għaliex kulħadd jaf li s-sena l-oħra waslu kontijiet irħas għand il-familji, u qed iħossu d-differenza, u issa se jibdew jaslu kontijiet irħas għand in-negozji.
Din il-miżura waħedha tefgħet fl-ekonomija mat-€30 miljun is-sena li għaddiet u €50 miljun din is-sena – pakkett ta’ €80 miljun li huwa ekwivalenti għal seba budgets f’sena waħda biss.
Il-Prim Ministru fakkar kif ir-roħs fil-kontijiet seħħ fl-istess żmien li d-deficit u d-dejn qed jonqos, l-ekonomija qed tikber u l-familji qed igawdu wkoll minn benefiċċji oħra bħas-servizz ta’ childcare b’xejn. “Ħaddieħor kien jipprevedi li jekk inwettqu din il-wegħda, pajjiżna se jkollu jitlob bailout lill-Unjoni Ewropea. L-unika bailout li kien qed jintalab kien mill-Partit Nazzjonalista għalih innifsu”, qal Muscat.
Fisser kif, permezz tal-pjan fit-tul fil-qasam tal-enerġija u bl-intervent strateġiku tas-settur privat, dak li ħaddieħor kien isejjaħ bħala gimmick u Alice in Wonderland, illum twettaq minn dan il-Gvern.