Il-Commcare f’Għawdex se jissaħħaħ għall-istess livell tas-servizz f’Malta

Jiżdiedu u jissaħħu s-servizzi f’Għawdex

Jiżdiedu u jissaħħu s-servizzi f’Għawdex
Jiżdiedu u jissaħħu s-servizzi f’Għawdex

B’mod immedjat is-servizz tal-Commcare f’Għawdex se jissaħħaħ biex jiġi tal-istess livell bħas-servizz li hemm f’Malta. Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet li dan is-servizz kien jingħata b’mod limitat ħafna f’Għawdex u issa l-anzjani u persuni b’diżabilità Għawdxin se jkollhom il-faċilità li jibbenefikaw mill-istess servizzi bħal kif inhu mogħti is-servizz Malta, ġo darhom stess permezz ta’ diversi ħaddiema mħarrġa fil-qasam tal-kura.
 
Caruana qalet li l-Commcare issa se jibda jagħti servizzi ta’ nursing u ta’ assessjar f’Għawdex bl-istess mod li jsiru Malta. Għalhekk il-bżonnijiet tal-applikanti Għawdxin mhux biss se jiġu identifikati b’mod iktar ħolistiku u professjonali iżda se jkunu qed jingħataw ukoll kura u servizzi addattati għall-bżonnijiet u kundizzjonijiet tagħhom ġo darhom stess.
 
Is-Segretarju Parlamentari ħabbret dan kollu waqt żjara li għamlet f’Dar San Lawrenz fejn il-Gvern qiegħed jipprovdi servizzi għall-anzjani permezz ta’ skema ta’ Public Private Partnership, servizzi ta’ kura fit-tul u ta’ respite li qabel ma kienux jingħataw f’Għawdex. Is-Segretarju Parlamentari semmiet li dawn is-servizzi mixtrija f’Dar San Lawrenz jagħtu lok għall-servizzi tal-anzjani koppji wkoll.
 
Caruana ikkonkludiet billi qalet li dan huwa parti minn pjan sħiħ sabiex il-Gvern ikompli jsaħħaħ is-servizzi fuq bażi ta’ komunità. Tenniet tgħid li minħabba l-fatt li Għawdex għandu persentaġġ qawwi mill-popolazzjoni li hija anzjana, huwa kruċjali li jiżdiedu u jissaħħu s-servizzi f’Għawdex ukoll. Din ser tkun missjoni li s-Segretarjat Parlamentari mmexxi minnha ser ikun qed iwettaq fiż-żmien li ġej. Ħeġġet ukoll sabiex dawk kollha li għandhom bżonn ta’ night shelter jistgħu jibdew isaqsu u jibbukkjaw għas-servizz peress li dan ser jibda jopera fi ftit ġranet oħra.

More in Politika