Il-ħsieb tal-Gvern hu li l-Akkademja tal-Pulizija tieħu forma ta’ Kulleġġ

29 Spettur ġdid fi ħdan il-Korp tal-Pulizija

29 Spettur ġdid fi ħdan il-Korp tal-Pulizija
29 Spettur ġdid fi ħdan il-Korp tal-Pulizija

F’ċerimonja ta’ promozzjoni li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ġew appuntati disgħa w għoxrin spettur ġdid, bi tlieta fosthom jingħataw il-ġurament bħala membri ġodda fi ħdan il-Korp. Fl-intervent tiegħu, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Carmelo Abela tkellem fuq kif is-serjetà għas-Sigurta’ tal-pajjiż tirrikjedi li Malta jkollha korpi dixxiplinati, attrezzati bl-aħjar riżorsi umani kemm fil-kwantita’ kif ukoll fil-kwalita’. B’sodisfazzjon huwa semma’ kif dan il-grupp ta’ spetturi ġodda magħmul min 22 raġel u 7 nisa kien wieħed mill-aqwa reklutaġġi li kellu dan il-korp mill-aspett akkademiku. Il-livell akkademiku jvarja minn Diplomas, Bachelor Degrees sa Masters. Id-dixxiplini huma varji fosthom l-istudju tal-psikoloġija, il-kriminoloġija, ix-xjenza, l-informazzjoni teknoloġika, il- management, marketing u Dottorat fil-liġi. Dan ifisser li l-korp qed jirnexxielu jattira lejh nies ta’ kwalità għolja u jħeġġeġ il-membri tiegħu sabiex jissaħħu fil-ħiliet akkademiċi tagħhom.
  
Il-Ministru Abela saħaq fuq il-bżonn ta’ taħriġ kontinwu. “L-edukazzjoni hija prijorita’ lill-membri kollha tal-Korp,” qal Abela, filwaqt li tkellem fuq il-ħsieb tal-Gvern biex l-Akkademja tal-Pulizija tieħu forma ta’ Kulleġġ b'certifikati akkreditati. Huwa sostna kif fiż-żmien li ġej se jkun qed jiffoka l-ħidma tiegħu fuq il-ħtieġa tar-rijorganizzazzjoni tal-Korp. Parti minn din ir-rijorganizzazzjoni se tinkludi l-ħatra ta’ kap eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija li jkun jirraporta lill-Kummissarju.
 
Minn naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar spjega li minn issa ‘l quddiem dawn l-Ispetturi se jkollhom opportunitajiet biex jamalgamaw l-aspett akkademiku ma’ dak prattiku. Il-Ministru Abela u s-Sur Cassar ħeġġew lil dawn l-ispetturi biex fis-sena li ġejja jieħdu bis-serjeta’ t-taħriġ intensiv li se jingħataw mid-Dipartiment tal-Kriminoloġija fl-Università ta’ Malta li ser ikun iffukat fuq erba’ oqsma prinċipali. Dawn huma, it-teorija tal-kriminoloġija, l-investigazzjoni, l-pulizija u l-liġi. Waqt il-preżentazzjoni tal-ħatra ta’ dawn l-ispetturi, l-Ministru u l-Kummissarju tal-Pulizija appellawlhom sabiex b’entużjażmu jkomplu jaqdu dmirijiethom hekk kif inhu mistenni minnhom b’lealta’ lejn is-servizz u lejn il-pajjiż. Filwaqt li ferħulhom għas-suċċess li kisbu, ħeġġewhom sabiex ikomplu jaħdmu biex javvanzaw fil-karriera taghhom fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

 

More in Politika