Mistoqsi fuq il-programm Mill-Kamra jekk l-Oppożizzjoni tivvotax favur jew kontra l-abbozz tal-Gvern fuq il-Midja u l-Libertà tal-Espressjoni, hekk kif imressaq, il-Kelliem tal-PN għall-Ġustizzja qal li "kif inhi bħalissa l-liġi mhix aċċettabbli."Huwa qal li l-liġi mhux aċċettabbli għall-Oppożizzjoni għaliex ma saritx konsultazzjoni u għax l-Oppożizzjoni huwa d-dmir tagħha li tara illi jkun hemm titjib f'liġi li titressaq, anke jekk ma tkunx taqbel ma' dik il-liġi.
L-akbar nuqqas ta' qbil fil-fatt, fuq il-programm kien dwar il-konsultazzjoni għal dawn l-emendi, bil-Ministru Attard jisħaq li l-Gvern wasal għal dawn l-emendi "għax kellna diskussjoni mal-istakeholders, mal-familja ta' Daphne Caruana Galizia u wara li tħejja l-ewwel abbozz dan tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra għall-konsum pubbliku." Huwa fakkar ukoll li l-Gvern ħatar Kumitat ta' Esperti biex ifassal elenku ta' proposti u li għandu rappreżentanza wiesa' minn fost is-settur tal-midja. Minn naħa tiegħu Aquilina saħaq iżda li l-Ministru huwa "iżolat" meta jgħid illi saret konsultazzjoni, xi ħaġa li Attard ċaħad, u qal ukoll li kienu l-Membri tal-Kumitat stess maħtur mill-Gvern, lista ta' 100 editur, ġurnalist u anke akkademiċi u ittra li l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem Dunja Mijatović bagħtet lill-Prim Ministru Robert Abela - fejn f'kull każ qed jingħad li ma saritx konsultazzjoni.
Issemma' wkoll l-Omnibus Bill - abbozz b'elenku ta' emendi, inkluż dwar il-midja - li ressaq il-PN qabel l-aħħar elezzjoni, bil-Ministru Attard jgħid illi l-PN li qed jitkellem tant fuq konsultazzjoni, fuq dan is-sett ta' emendi ma kkonsulta lil ħadd "u ppreżenta l-abbozz quddiem il-Parlament bħal giljottina." Malajr waslet lura r-risposta illi fil-fatt il-PN qala' ħafna tifħir minn editorjali u ġurnalisti dwar dawn l-abbozzi.
Aquilina qal ukoll li l-Gvern mhux talli rreżista milli jagħti informazzjoni lill-ġurnalisti permezz tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Freedom of Information Act), talli f'xi każi rreżista milli jagħti l-informazzjoni mitluba mill-ġurnalist, fl-interess pubbliku. Il-Ministru Attard iżda ma qabilx u fakkar li l-Gvern huwa miftuħ għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, filwaqt li jekk talba għall-informazzjoni ma tkunx milqugħa fakkar illi hemm istituzzjonijiet apposta li xogħolhom huwa li jaraw illi dan isir.
Mistoqsi għandux fiduċja fil-Kumitat tal-Esperti li ħatar il-Gvern, Aquilina indika li ma hemmx problema b'dan.
Mill-Kamra jixxandar kull nhar ta' Ġimgħa fid-7:05 p.m. fuq TVMNews+ b'tipetizzjoni kull nhar ta' Sibt fis-2:05 p.m.
Albert Gauci Cunningham, 38 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta ILLUM u tas-sit illum....