Il-programm Mill-Kamra se jerġa' jkun magħkom mis-7 ta' Ottubru li ġej. Matul dan il-programm se nerġgħu nagħtu ħarsa lejn il-ħidma tal-Parlament, id-dibatitti li jqumu waqt il-Plenarja, il-voti, l-liġijiet u anke l-kontroversji li jqumu prattikament minn ġimgħa għall-oħra.
Il-programm Mill-Kamra se jkompli wkoll jlaqqagħkom mad-Deputati li jirrapreżentawkom u jiddiskuti magħhom il-ħidma Parlamentari tagħhom, pero' din id-darba se jkun qed ilaqqagħkom ukoll mal-assoċjazzjonijiet, ċittadini, għaqdiet, NGOs u pressure groups li se jkollhom opinjoni dwar dak li se jkun qed jipproponi jew jivvota dwaru l-Parlament.
Minn dak li diġà qed naraw, jidher illi se tkun skeda pjuttost mimlija dik tal-Parlament hekk kif il-Gvern diġà ħabbar li se jressaq 'il quddiem Emendi fil-Liġi li jitrattaw il-midja u l-libertà tal-espressjoni, id-Deputat PM Chris Fearne ħabbar li se jkun qed jipproponi bidliet li jitrattaw l-abort, il-Baġit li se jitressaq nhar it-Tnejn 24 ta' Ottubru, filwaqt li l-Oppożizzjoni kienet ħabbret li se terġa' tressaq l-abbozzi ta' liġijiet li jitrattaw il-governanza u s-saltna tad-dritt - li kienet diġà ressqet fl-aħħar leġiżlatura.
Sadanittant, matul is-Sajf, baqgħet għaddejja l-ħidma tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi - fost oħrajn.
Mill-Kamra jixxandar kull nhar ta' Ġimgħa fuq TVMNews+ fis-7:05 p.m