Intervista | 'Kienu sejħu protesta nazzjonali kontrija, stiednu lil Malta imma attendew mas-70 persuna'

Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti għall-aħħar disa' snin u l-Gvern għadu kif reġa' nnominah. Il-gazzetta ILLUM tiltaqa' ma' Anġlu Farrugia u tagħti ħarsa lejn il-ħidma Parlamentari fl-aħħar snin...

L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia
L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia

Kien l-ogħla awtorità , fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż meta fil-Parlament kien għaddej ftit maltemp mhux ħażin u barra l-bank kienu għaddejjin protesti kbar kontra l-Gvern u sa ċerta punt kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni wkoll dak iż-żmien. Il-gazzetta ILLUM tiltaqa' ma' Anġlu Farrugia li għall-aħħar disa' snin serva ta' Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti. 

U propju nibdew nistaqsu dwar is-snin illi matulhom rajna lill-Parlament fiċ-ċentru ta' kriżi politika u ta' attiviżmu. Kif janalizza l-avvenimenti ta' dakinhar? U xi rwol kellu jieħu hu bħala Speaker? 

Farrugia jibda billi jfakkar illi l-protesti kienu qed isiru għal raġuni u għax aħna pajjiż demokratiku, kulħadd allura għandu d-dritt li jipprotesta.

"Naturalment Gvernijiet jitilgħu u oħrajn jinżlu, dak huwa ċ-ċiklu politiku. Imma minkejja l-isfida li kellna quddiemna il-Parlament baqa' jiffunzjona." Huwa jfakkar li l-leġiżlatura li intemmet rat ir-riżenja ta' Prim Ministru (Joseph Muscat) u rat ukoll it-tneħħija ta' Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni, biex imbagħad minfloku daħal fil-Parlament Bernard Grech. 

"Imma minkejja dan kollu inti dejjem kellek il-kontinwazzjoni tar-rieda tal-poplu. Għax jiena nista' nipprotesta kuljum u nista' ma naqbilx miegħek, imma fl-aħħar mill-aħħar huwa l-poplu li jagħżel lill-Gvern u lill-Membri Parlamentari li jirrapreżentawh."

Huwa jgħid li hu kien fid-dmir li jara li d-Deputati jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin b'ħidmiethom u li ma jixxeklux milli jagħmlu dan. Kien hawn li semma' miżuri tas-sigurtà li kienu saru fosthom barrikati madwar il-Parlament, xi ħaġa li l-għaqda Repubblika illi mexxiet ħafna mil-protesti matul dak iż-żmien kienet ilmentat dwarhom. Fil-fatt l-ilment kien li fi protesta minnhom nofs il-Pjazza Ħelsien kienet meħuda bil-barrikati, meta kien hemm protesta. 

"Kienu avvenimenti interessanti li għaddejna minnhom ilkoll, inkluż jiena." 

'Fost l-aktar leġiżlatura li fiha sar xogħol'

Imma Farrugia jkompli billi jgħid illi l-leġiżlatura li għaddiet kienet ukoll fost l-aktar leġiżlatura li fiha saret ħidma Parlamentari u kif għaddew xejn inqas minn 234 liġi bejn l-2017 u Frar ta' din is-sena, biex kienet waħda mill-iktar leġiżlaturi - jekk fil-fatt mhux l-aktar - li matulha l-Parlament għadda liġijiet, fl-aħħar kwart ta' seklu. 

"Rekord assolut... Aħna fost l-aktar Parlamenti li għandna clearance rate għolja. U mhux qed nitkellmu ħidma dwar liġijiet biss imma wkoll dokumenti mqegħdin fuq il-Mejda tal-Kamra  - li nfakkar illi jitqiegħdu hemmhekk, imbagħad jiġu diskussi u studjati."

Farrugia mbagħad ikompli jelenka l-ħidma Parlamentari, ftit, ftit permezz ta' numri. F'ħames snin saru 549 seduta Parlamentari u 652 laqgħa tal-Kumitati Parlamentari. Dawn il-Kumitati jinkludu l-famuż Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi - li fih rajna lill-eks Ministru Konrad Mizzi f'battibekk ma' Beppe Fenech Adami li kien imexxih u Kumitati oħrajn - uħud li jevalwaw il-qasam soċjali, oħrajn li jiddiskutu trasferimenti tal-art u dawk li jitrattaw is-saħħa u l-ekonomija. 

F'ħames snin saru wkoll 54 Mozzjoni Privata - fosthom il-famuż abbozz tal-eks Deputat Marlene Farrugia sabiex l-abort ikun dikriminalizzat, filwaqt li Anġlu Farrugia kellu jieħu 89 deċiżjoni bħala Speaker. Fl-istess perjodu ta' żmien huwa mexxa wkoll 43 delegazzjoni barra mill-pajjiż. 

"Il-medja ta' kull leġiżlatura normalment f'Malta kienet tkun ta' bejn 120 jew 130 liġi kull legizlatura, filwaqt li tlaħħaq il-180 u 170 liġi fl-Ewropa. U aħna hawnhekk kif għidtlek kellna 237 liġi f'ħames snin." 

'Kellna Oppożizzjoni b'saħħitha ħafna'

Imma forsi dawn il-liġijiet kollha għaddew aktar faċli għax il-Gvern kellu maġġoranza aktar komda? 

Farrugia ma jaqbilx u jisħaq illi fl-aħħar snin il-Parlament ra Oppożizzjoni b'saħħitha ħafna, li jfakkar illi fejn ma taqbilx għandha dritt titlob division u allura titlob vot. "Imma fil-verità f'90% tal-każi, kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni jaqblu ma liġijiet u bidliet li jkunu qed jiġu proposti," ikompli jispjega l-Ispeaker. 

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi iżda x'inhu eżatt il-proċess parlamentari. X'jiġri? Tmur liġi quddiem il-Parlament, jiddiskutuha, jitfgħu xi botta jew tnejn kontra xulxin u barra bid-daqq? 

Anġlu Farrugia jispjega kif il-proċess huwa maqsum f'erba' stadji. 

L-ewwel qari, huwa meta jinqara it-titolu tal-Abbozz ta' Liġi u jittieħed vot u wara tmur għat-Tieni Qari. Hawnhekk huwa il-punt l-aktar familjari ma' dawk li jsegwu l-Parlament għax huwa f'dan l-istadju fejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni jiddibattu liġi jew abbozz u jitfgħu dik il-botta lil xulxin, filwaqt li jispejgaw għaliex ressqu jew għaliex - fil-prinċipju - se jkunu qed jivvutaw kontra liġi. 

Imbagħad abbozz imur fi Stadju ta' Kumitat u l-Ispeaker ifakkar illi huwa hawn illi l-Membri Parlamentari jidħlu f'ħafna aktar dettall, issir diskussjoni artikolu, artikolu  u fejn isiru l-emendi għal Abbozz ta' Liġi. 

Fit-Tielet Qari kollox jiġi finalizzat u l-Ispeaker flimkien mal-Clark of The House jiffirmaw il-Liġi. L-Istanding Orders ma jispeċifikawx kif għandha titwieġeb Mistoqsija Parlamentari.

24,885 Mistoqsija Parlamentari f'ħames snin

Induru fuq il-Mistqosijiet Parlamentari. X'inhu eżattament l-iskop ta' dawn? U għaliex eżattament ikun hemm tweġibiet orali u oħrajn bil-miktub? 

Farrugia jibda billi jgħid li d-differenza hija kif id-Deputat staqsa l-mistoqsija u allura kif xtaq it-tweġiba. "Kull seduta Parlamentari hemm nofs siegħa ċans illi matulhom isiru l-Mistoqsijiet u tweġibiet orali, filwaqt illi jkunu ppubblikati t-tweġibiet bil-miktub."

Huwa jgħid illi fl-aħħar leġiżlatura kien hemm xejn inqas minn 24,885 Mistoqsija Parlamentari li saret u li twieġbu kważi kollha - sa qabel xolja l-Parlament. Fil-fatt twieġbu 23,492 mistoqsija. Mal-ILLUM Farrugia fakkar ukoll li huwa jagħti d-dritt ta' Mistoqsijiet Suppimentari li allura jkunu mistoqsijiet oħrajn marbutin mal-ewwel mistoqsija li Deputat ikun jixtieq jagħmel. 

Mhux l-ewwel darba li minn dawn it-tweġibiet toħroġ informazzjoni interessanti u ċifri dwar reati, inċidenti, ħlasijiet u kuntratti, direct orders, pagamenti u aktar. 

Farrugia jgħid illi jekk tgħodd il-Mistoqsijiet Supplimentari issib li f'ħames snin saru kważi 70,000 domanda.

Issir kritika mill-partiti fl-Oppożizzjoni illi jsiru mistoqsijiet biex imbagħad Ministri jibqgħu jipposponu t-tweġiba bil-famuża frażi "It-tweġiba se tingħata f'seduta oħra." Kemm huwa sew u kemm għandu Ministru jitħalla jipposponi tweġiba, li wara kollox tista' tkun fl-interess pubbliku? 

Anġlu Farrugia jibda billi jfakkar illi fejn ma jkunx hemm gwida u preċedent ir-Regolamenti tal-Kamra dejjem jirreferu għal dawk tal-House of Commons - u dan hekk kif is-sistema u r-regoli Parlamentari lokali huma mibnijin propju fuq is-sistema politika Ingliża. 

Imbagħad ikompli jgħid illi f'din is-sitwazzjoni l-Ispeaker ma tantx għandu wisq x'jista' jagħmel, ħlief li jgħaddi kumment illi fih iħeġġeġ biex tingħata tweġiba. "Darba fil-fatt jiena kont iddeċidejt fuq materja simili u kont għidt illi mhuwiex fl-interess Parlamentari li Ministru ma jweġibx domanda." 

Huwa jkompli jispjega illi l-Istanding Orders filwaqt li juru kif għandek titsaqsi mistoqsija u x'għandek u ma għandekx tgħid u ssemmi meta tistaqsi, ma jagħtux gwida dwar kif issir it-tweġiba. 

Huwa qal illi fil-fatt din il-kwistjoni qamet diversi drabi anke fost l-Ispeakers tal-Commonwealth, fejn saret il-mistoqsija dwar jekk wasalx iż-żmien li fil-fatt Speaker ikun jista' jagħti gwida lil Ministu dwar kif jista' jwieġeb. 

"Iddeċidejna wkoll illi meta Ministru jwieġeb u jikkwota minn dokument jrid ipoġġi dan id-dokument fuq il-mejda tal-Kamra." 

Privileġġ Parlamentari: Lejn għodda ta' rimedju għaċ-ċittadin?

Induru fuq il-famuż privileġġ parlamentari. Kemm-il darba probabbilment smajtu Deputat jistieden lil ieħor biex jirrepeti akkuża li jkun għamel barra l-Parlament. Ir-raġuni għaliex jingħad dan huwa proprju minħabba dan il-privileġġ li permezz tiegħu Deputat ikun jista' jagħmel akkuża jew allegazzjoni mingħajr il-biża' u mingħajr it-toqol ta' theddid legali. 

Imma ta' sikwit ukoll nisimgħu kummenti - inkluż mill-Ispeaker innifsu fl-aħħar snin - li dan il-privileġġ qed ikun abbużat. 

Kif jiġi abbużat? Kellu każi li huwa jħoss li kienu użu abbużiv ta' dan il-privileġġ? 

Farrugia jibda billi jfakkar li privileġġ parlamentatri qiegħed hemm propju biex Deputat jagħti informazzjoni jew jgħid xi ħaġa mingħajr il-biża' li din se tintuża kontrih. 

"L-abbuż imbagħad huwa meta tgħid affarijiet li ma jkunux vera, jew ma jkunux eżatti jew inkella li jkunu mdawwrin b'mod li jagħmlu ħsara lil individwu jew inkella saħansitra kumpanija, li imbgħad ma jkollhiex id-dritt li tfittex lil dak id-deputat għal dak li jkun qal" jispjega Farrugia. 

Filwaqt li sostna illi din tkun sitwazzjoni inġusta qal ukoll illi hu għamel studju li minnu kkonkluda li hemm bżonn isir mekkaniżmu li jagħti rimedju liċ-ċittadin meta dan iħoss li dwaru intqalet gidba jew kalunja fil-Parlament. 

"Id-demokrazija fuq il-verità hija mibnija u allura permezz ta' xi ħaġa bħal din aħna nagħtu dritt ta' risposta wara li l-Ispeaker jkun investiga l-każ," ikompli jispjega Farrugia. 

Huwa qal li xtaq illi Malta tkun l-ewwel li tħaddem mekkaniżmu simili li jgħid illi jeżisti f'New South Wales (Awstralja) u fi New Zealand, fost oħrajn. 

"Mela jekk jiġi deputat u jgħid tixtrux minn dik il-kumpanija għax prodott ħażin jew inkella deputat jallega li xi ħadd akkużat il-Qorti huwa ħati għal raġunijiet li huwa jelenka, il-persuna msemmija jkollha dritt li tfittex rimedju," kompla jispjega l-Ispeaker. Huwa qal illi f'każ li dak li jkun qal Deputat ma jkunx vera, l-Ispeaker jitlob li dak li qal jiġi irtirat u jekk ma jaċċettax li jagħmel dan ikun l-Ispeaker stess li jsemmi lid-Deputat u jikkundanna. 

Mistoqsi jekk fl-aħħar disa' snin illi matulhom ilu Speaker kellux każi simili, Anġlu Farrugia wieġeb fil-pożittiv għalkemm qal li ma seta' jagħmel xejn għax din il-proċedura ma hawnx bħala f'pajjiżna. 

'Id-deċiżjonijiet tiegħi qatt ma kienu kkundizzjonati'

Naturalment ma nistgħux ma nistaqsux dwar il-kontroversja li qamet fuq id-deċiżjoni tiegħu fil-konfront ta' Rosianne Cutajar li kienet instabet ħatja illi kisret l-etika meta ma kinitx iddikjarat €9,000 minn senserija fil-Lista tad-Dħul u Assi tagħha. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u diversi persuni qrib il-PN, kif ukoll l-għaqda Repubblika, kienu akkużawh illi qed iservi ta' paraventu għall-Gvern. Kif iwieġeb għal din l-akkużi serja? 

Huwa qal illi l-Oppożizzjoni qatt ma ressqet mozzjoni ta' sfiduċja imma diskussjoni dwar deċiżjoni li kien ħa dwar Rosianne Cutajar - u li fil-verità kienet ittra illi fiha huwa sempliċiment informa lil Cutajar bid-deċiżjoni tal-Parlament. Farrugia qal illi huwa rrekuża ruħu mid-diskussjoni li saret u jinsisti li hu ngħata raġun mill-Kunsill tal-Ewropa illi d-deċiżjoni li ħa kienet "interpretazzjoni korretta u applikazzjoni korretta wkoll tal-liġi." 

Huwa qal illi kien hemm spin u għamel referenza għal kummenti tal-Prim Ministru u l-fatt li bħala Spekaer għadda 27 Ruling li kienu jffavorixxu lill-Oppożizzjoni. 

"Jiena m'inix membru ta' partit politiku - l-uniku Speaker fil-fatt li mhuwiex u d-deċiżjonijiet tiegħi qatt ma kienu  kkundizzjonati." 

Kieku l-protesti ta' Repubblika baqgħu għaddejjin u l-isfiduċja tal-Oppożizzjoni kienet persistenti għal aktar żmien, kien jirrikonsidra l-pożizzjoni tegħu? 

Farrugia jgħid li kien hemm sejħa għal protesta nazzjonali "u qaluli li attendew madwar 60 jew 70 persuna. U nieqaf hemm." 

Farrugia iżda kien ukoll f'nofs kontroversja fuq ittra li kien bagħtlu Matthew Caruana Galizia u risposta b'avukat biex wieġbu. Ma jħossx li kienet żejda li bagħat risposta b'avukat lil ċittadin li  - taqbel jew le mal-punt li kien qed jagħmel - kellu kull dritt jikkontesta deċiżjoni tal-Ispeaker? 

Huwa sostna illi l-punt kollu kien li Caruana Galizia kien qed jagħmel numru ta' akkużi fil-konfront tiegħu li jinsisti li ma kinux minnhom u jfakkar li huwa kien rebaħ kawża - kemm fl-Ewwel Istanza kif ukoll fl-Appell - fuq akkużi minn Daphne Caruana Galizia, li ma qediex dmiru bħala membru tal-Korp tal-Pulizija. 

Huwa qal li fl-ambitu ta' dawn l-akkużi huwa ddeċieda li l-ittra li jibgħat tkun iffirmata mill-Avukat tal-Parlament. "Pero' naturalment inħallu lil kulħadd jgħid dak li jħoss u jixtieq." 

Żewġ siġġijiet nieqsa fil-Parlament...

U ngħalqu bil-mekkaniżmu tal-Ġeneru. L-ewwelnett dan se jkun l-akbar Parlament li qatt kellha Malta: Hemm biżżejjed siġġijiet? U l-mekkaniżmu tal-ġeneru iħoss li ħadem 'il kontra u wassal biex inqas nisa ġew eletti? 
Farrugia jibda billi jgħid li fil-verità hemm żewġ siġġijiet inqas, 77 għal 79 membru iżda jgħid li qed isir ix-xogħol meħtieġ biex din il-problema tkun indirizzata. 

Dwar il-Mekkaniżmu tal-Ġeneru huwa qal illi f'Laqgħa organizzata mill-President tar-Repubblika ftit żmien ilu kien tkellem mal-President tal-Kosovo, li hija mara, dwar dan u din spjegatlu kif dan il-pajjiż introduċa l-mekkaniżmu għal darba biss. Fl-elezzjoni ta' wara n-numru ta' nisa eletti kien ħafna akbar. 

Għalhekk Farrugia jisħaq li dan il-mekkaniżmu kien hemm bżonnu u jfakkar illi mill-1947 qatt ma nqabżu l-14% tan-nisa fil-Parlament, meta jfakkar li hemm pajjiżi Afrikani fejn in-nisa fil-Parlament iqarrbu l-50%.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia jtemm iħeġġeġ lill-PN u l-PL biex joffru spazji akbar għall-parteċipazzjoni aktar attiva tas-sess femminili, ħalli b'hekk id-Deputati nisa jibqgħu jiżdiedu. 

More in Mill-Kamra