Għalaqna l-ewwel xahar ta’ attivitajiet l-Esplora b’ċerimonja ta’għotja ta’ premijiet li ngħataw lil għadd ta' individwi u organizzazjonijiet bħala ġest ta’ rikonoxximent għall-involviment tagħhom fil-promozzjoni tas-suġġetti STEM fi gżiritna, matul is-sena 2023. Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti li saħaq fuq l-importanza li għandha tingħata lill-edukazzjoni STEM speċjalment fi ħdan il-komunitajiet tagħna. L-Onorevoli faħħar lill-individwi u lill-organiżżazzjonijiet li ġew onorati waqt iċ-ċerimonja, u ddeskrivihom bħala xempji ta’ ispirazzjoni, filwaqt li ħeġġiġhom biex jissoktaw b’ħidmiethom u jkomplu jxerrdu l-entużjażmu tagħhom għas-suġġetti edukattivi STEM. Mingħajr l-iċken dubju, il-qofol tas-soċjetà tal-lum huwa teknoloġiku, tant li huwa kważi impossibbli li timmaġina dinja mingħajr teknoloġija sakemm ma treġġax l-arloġġ lura b’eluf ta’ snin. Importanti ferm allura li pajjiżna jibqa’ jistinka sabiex iżomm postu fit-tiġrija dinjija fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan nistgħu inwettquh biss jekk inrawmu lil uliedna biex sa minn ċkunithom jifhmu l-importanza tas-suġġetti edukattivi ta’ STEM, ċioe’ x-xjenza, t-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, u li s-suġġetti STEM huma l-qafas tas-soċjetà moderna. Kien proprju għal dan il-għan, li fl-2020, fl-eqqel tal-pandemija, ġie imwaqqaf in-National STEM Engagement Group fi ħdan l-Esplora. Il-membri ta’ dan il-grupp huma żgħażagħ ħabbrieka li huma impjegati mal-Esplora u li jaħdmu qatiegħ sabiex jlaqqgħu flimkien entitajiet u professjonisti Maltin minn diversi oqsma bħall-edukazzjoni, ir-riċerka, u l-komunikazzjoni, biex flimkien jiddiskutu u joħolqu inizjattivi ġodda li jimbuttaw is-suġġetti STEM fejn jidhru halli jsir jaf bihom kulħadd. Għaldaqstant ta’ min anke jsemmi li permezz tal-attivitajiet li nniedu l-Esplora, dejjem nagħmlu l-almu tagħna li nippromwovu s-suġġetti STEM biex kemm jista’ jkun inwasslu x-xjenza fi ħdan il-komunità. Is-soċjetà u ċ-ċittadini tagħha huma l-benefatturi ewlenin tal-frott li jħallu r-riċerka u l-innovazzjoni. Iktar ma ninvestu fil-preżent, iktar se jibbenifikaw uliedna fil-futur, futur li bla dubju ta’ xejn ser ikun wieħed imsejjes fuq l-intelliġenza artifiċjali li se ttejbilna l-kwalità ta’ ħajjitna, itaffilna l-piż tax-xogħol u tiftħilna orizzonti ġodda li jwessgħulna l-aċċess għat-tagħrif u t-tagħlim. Ninsabu għaddejjin minn perjodu ta’ tranżizzjoni u bidliet li ser jirrivoluzzjonaw il-mod kif ngħixu, għalhekk l-għarfien tal-importanza tas-suġġetti STEM li huma marbuta ma’ dawn il-bidliet għandu jingħata prijorita kbira sabiex meta sseħħ din il-bidla nkunu lkoll preparati għal li ġej.
Mill-banda l-oħra, l-Esplora jservi ta’ inkubatur sabiex il-viżitaturi tagħna, speċjalment l-edukaturi kif ukoll dawk li għadom qegħdin jistudjaw jinvolvu ruħhom aktar f’suġġetti bħalma huma x-Xjenza, t-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika sabiex ikomplu jissaħħu l-erba’ pilastri li fuqhom qed jinbena l-ġejjieni tagħna.
STEM Award 1 |
Primary Class Teacher |
Ms Elaine Gauci |
STEM Award 2 |
Secondary School Teacher |
Ms Marissa Banavage |
STEM Award 3 |
Non-Formal STEM Educator |
Ms Danielle Martine Farrugia |
STEM Award 4 |
STEM Community Project |
GLOBE Malta – Europe Direct Gozo Air Quality Campaign |
STEM Award 5 |
STEAM Project |
IEEE Region & Robot Championship Malta 2022 |
STEM Award 6 |
Engaged Researcher |
Dr. Ing. Bonnie Attard |
STEM Award 7 |
Lifetime Contribution |
Prof. Pauline Galea |