
Malta għandha ‘t-tieni l-ogħla taxxa korporattiva tad-dinja’
Minkejja r-reputazzjoni ta’ Malta bħala rifuġju fiskali għal kumpaniji internazzjonali, pajjiżna għandha l-ogħla taxxa korporattiva għal kumpaniji lokali fl-Ewropa kollha

minn Sean Fenech

Malta għandha t-tieni l-ogħla taxxa korporattiva tad-dinja u l-ogħla waħda fl-Ewropa, skont riċerka magħmula mis-sit Businessfinancing.co.uk.
Is-sit, li huwa magħmul biex jirriċerkaw is-suġġett tal-finanzjament tan-negozji u suġġetti relatati, għamel stħarriġ li fih ħoloq negozju żgħir fittizju u raw x’obbligazzjoni għandu dan-negozju f’termini ta’ taxxa korporattiva f’pajjiżi madwar id-dinja.
In-negozju fittizju li ħoloq is-sit kellu dħul ta’ miljun dollaru, profitt ta’ $100,000, u bejn ħames u disa’ impjegati.
Mill-istħarriġ li għamlu, irriżulta illi Malta għandha l-ogħla taxxa korporattiva fl-Ewropa, u t-tieni l-ogħla fid-dinja, għal kumpaniji lokali. Dan minkejja r-reputazzjoni tal-pajjiż li huwa rifuġju fiskali jew saħansitra “bażi pirata għall-evitar tat-taxxa”, skont il-European Investigative Collaborations.
X’inhi taxxa korporattiva?
Qabel ma nkomplu, forsi tkun idea tajba li nispjegaw x’inhi taxxa korporattiva għall-qarrejja li mhumiex midħla wisq tal-finanzi.
It-taxxa korporattiva hija tip ta’ taxxa imposta fuq il-kumpaniji, fejn dawn il-kumpaniji għandhom iħallsu persentaġġ tal-introjtu nett tagħhom lill-gvernijiet bħala parti mill-obbligi fiskali tagħhom.
It-taxxa korporattiva hija sors kbir ta’ dħul għall-gvernijiet, u allura jkun hemm ħafna enfasi li din titħallas.
“Rifuġju fiskali Ewropew għandu l-ogħla taxxi korporattivi għan-nies lokali” – Businessfinancing.co.uk
Kif għedna iktar ’il fuq, l-istudju sab illi Malta għandha l-ogħla rata ta’ tassazzjoni għall-korporazzjonijiet fl-Ewropa, hekk kif kumpaniji lokali għandhom iħallsu taxxa korporattiva ta’ 35% fuq il-profitti tagħhom.
Fi kliem ieħor, u biex nużaw l-eżempju tan-negozju fittizju li ħoloq is-sit, jekk il-kumpanija tagħmel profitt ta’ $100,000, in-negozju jkun jaf il-Gvern ta’ Malta $35,000.
Skont l-istudju, din ir-rata hija 10 punti perċentwali ogħla mit-tieni ogħla taxxa korporattiva tal-Ewropa, li hija ta’ 25%. Hemm erba’ pajjiżi li għandhom taxxa korporattiva ta’ 25%, li huma Franza, Spanja, Belarus, u l-Irlanda (kemm l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll ir-Repubblika tal-Irlanda).
Warajhom imbagħad hemm l-Italja, li għandha taxxa korporattiva ta’ 24%, u r-Renju Unit, li għandu taxxa korporattiva ta’ 22.8%.
L-iktar taxxa korporattiva baxxa tal-Ewropa hija tal-Polonja, tal-Ungerija, u tal-Montenegro, li huma kollha ta’ 9%.
Iżda ta’ min jinnota li fil-każ tal-Polonja, it-taxxa ta’ 9% tapplika biss jekk il-kumpanija taqla’ inqas minn żewġ miljun ewro.
U l-pajjiż ta’ qabel Malta?
L-ogħla taxxa korporattiva tad-dinja, skont l-istudju, hija tal-Guyana fl-Amerka t’Isfel. Il-Guyana għandha taxxa korporattiva ta’ 40%, ħames punti perċentwali ogħla minn dik ta’ Malta.
Fil-verità, Malta tinstab fit-tieni post flimkien ma’ tliet pajjiżi oħrajn, li huma ċ-Chad fl-Afrika, il-Kolombja fl-Amerka t’Isfel, u l-Guinea Ekwatorjali fl-Afrika.
Dawn it-tliet pajjiżi, flimkien ma’ Malta, għandhom taxxa korporattiva ta’ 35%.
“Il-bażi pirata tal-evitar tat-taxxa” fl-Ewropa?
Iżda jekk Malta għandha l-ogħla taxxa koporattiva fl-Ewropa, u t-tieni l-ogħla fid-dinja, għalfejn għandha reputazzjoni ta’ rifuġju fiskali?
Qabelxejn imma x’inhu rifuġju fiskali? Ir-rifuġja fiskali huwa post fejn legalment tista’ tnaqqas l-ammont ta’ taxxa li tħallas fuq l-introjtu tiegħek.
Ġeneralment pajjiżi hekk jagħmlu ħafna sforzi biex jattiraw kumpaniji barranin biex jibbenefikaw mir-rati iktar baxxi ta’ tassazzjoni. Fl-istess ħin, ħafna minn dawn il-pajjiżi ma jkunux wisq koperattivi ma’ gvernijiet barranin biex jiksbu informazzjoni rigward dawn il-kumpaniji.
F’Malta, filwaqt li kumpaniji lokali huma obbligati jħallsu t-taxxa korporattiva bir-rata ta’ 35%, kumpaniji internazzjonali jistgħu jibbenefikaw minn rifużjoni tat-taxxa fejn effettivament jispiċċaw iħallsu biex 5% bħala taxxa korporattiva. Minħabba dis-sistema, it-taxxa korporattiva ta’ Malta tispiċċa l-iktar waħda baxxa fl-Ewropa.
Din is-sistema ta’ tassazzjoni hija favorevoli ħafna għal kumpaniji internazzjonali u b’hekk, ħafna kumpaniji jispiċċaw jiftħu Malta biex ikunu jistgħu jevitaw it-taxxa.
U b’hekk, ħafna pajjiżi oħrajn fl-Ewropa mhuma xejn kuntenti bis-sitwazzjoni l-għaliex, skonthom, Malta tkun qed tgħin lil dawn il-kumpaniji jiffrankaw ħafna taxxa li setgħet tmur lejn il-kaxxa tal-istat tagħhom.
Waqt li l-pajjiżi membri l-oħrajn jixtiequ li s-sistema ta’ Malta titwaqqaf, bosta gvernijiet Maltin iddefendew is-sistema għax, skonthom, hija l-unika mod kif pajjiż żgħir bħal Malta jista’ jkun kompetittiv fl-ekonomija dinjija.
Iżda minkejja din id-difiża tas-sistema, il-pajjiż xorta waħda ffirma l-patt tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-armonizzazzjoni tat-taxxa korporattiva. Il-patt effettivament jimponi taxxa korporattiva minima ta’ 15 % fuq kumpaniji internazzjonali ta’ ċertu kobor.