Sa t-tmiem t'Ottubru 2025, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit taʼ €373.9 miljun.

Sa t-tmiem t'Ottubru 2025, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit taʼ €373.9 miljun.

Bejn Jannar u Ottubru 2025, id-Dħul Rikorrenti kien taʼ €6,381.3 miljun, €257.9 miljun aktar minn dak irrappurtat sena qabel. L-akbar żidiet kienu rreġistrati fis-Sigurtà Soċjali (€134.6 miljun), fit-Taxxa tad-Dħul (€56.3 miljun) u fil-Liċenzji, Taxxi u Multi (€47.8 miljun). Min-naħa l-oħra, kien irrappurtat dħul anqas fl-Għotjiet (€56.1 miljun), fid-Dħul Mixxellanju (€11.6-il miljun) u fl-Imgħax fuq is-self magħmul mill-Gvern (€0.2 taʼ miljun).

Minn Jannar sa Ottubru 2025, in-nefqa kollha kienet taʼ €6,755.2 miljun, li hija €728.5 miljun aktar mis-sena ta’ qabel.

Fiż-żmien taʼ riferenza, in-Nefqa Rikorrenti kienet ta’ €5,858.1 miljun, li hija żieda taʼ €667.5 miljun meta mqabbla mal-€5,190.7 miljun li kienet irrappurtata fis-sena taʼ qabel. Iż-żieda taʼ €290.9 miljun fil-Programmi u Inizjattivi kellha l-akbar sehem fʼdin iż-żieda. Aktar żidiet kienu rreġistrati fil-Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet tal-Gvern (€171.6 miljun), fis-Salarji u Pagi (€149.2 miljun) u fl-Ispiża tal-Operat (€55.7 miljun).

L-iżviluppi ewliena fil-kategorija tal-Programmi u Inizjattivi kienu nefqiet akbar fuq il-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali (€117.7-il miljun), ir-Riżorsi tal-UE (€44.1 miljun) u l-Iskejjel tal-Knisja (€32.4 miljun).

L-imgħax fuq id-dejn pubbliku laħaq il-€242.7 miljun, żieda ta’ €27.7 miljun meta mqabbel ma’ sena qabel.

Sa tmiem Ottubru 2025, in-nefqa kapitali tal-Gvern kienet taʼ €654.4 miljun, li hija €33.4 miljun aktar meta mqabbla mal-istess żmien fl-2024. Infiq akbar kien irreġistrat fuq l-Iżvilupp tat-tieni interconnector tal-elettriku (€69.8 miljun), l-Inizjattiva REPowerEU (€18.7-il miljun) u l-Faċilitajiet Marittimi (€7.8 miljuni). Min-naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis fil-Kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq (€28.1 miljun), fl-Għotja għax-xiri taʼ vetturi elettriċi (€25.8 miljun) u fl-Inċentivi għall-Investiment (€11.1-il miljun).

Id-differenza bejn id-dħul u l-infiq sħaħ uriet defiċit ta’ €373.9 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern fi tmiem Ottubru 2025, meta mqabbel mas-surplus ta’ €96.7 miljun taʼ sena qabel. Din id-differenza tirrifletti żieda fid-Dħul Rikorrenti sħiħ (€257.9 miljun), flimkien maʼ żidiet akbar fin-nefqa sħiħa, li hija magħmula min-Nefqa Rikorrenti (€667.5 miljun), mill-Imgħax (€27.7 miljun) u min-Nefqa Kapitali (€33.4 miljun).

Fl-aħħar taʼ Ottubru 2025, id-dejn tal-Gvern Ċentrali kien taʼ €11,185.1 miljun, żieda taʼ €924.3 miljun meta mqabbel mal-2024. Iż-żieda rreġistrata fl-Istokks tal-Gvern taʼ Malta (€672.8 miljun) kienet il-kontribut ewlieni għaż-żieda fid-dejn. Aktar dejn kien irreġistrat ukoll fil-Kambjali tat-Teżor (€255.6 miljun), fid-Dejn Barrani (€77.7 miljun) u fil-ħruġ tal-muniti tal-ewro fʼisem it-Teżor (€5.0 miljuni). Fid-direzzjoni opposta, kien hemm tnaqqis fl-Istokks taʼ Tifdil 62+ tal-Gvern taʼ Malta (€38.4 miljun). Fl-aħħar, investimenti akbar minn fondi tal-gvern fl-Istokks tal-Gvern ta’ Malta wasslu għal tnaqqis ta’ €48.5 miljun fid-dejn

More in Kummer?jali