
Tnaqqis fir-rata taż-żieda fir-rappurtar ifisser żieda fl-għarfien, skont l-FIAU
Fir-rapport tagħhom, l-FIAU qalu li dat-tnaqqis fir-rata taż-żidiet huwa evidenza tal-effettività tal-inizjattivi tagħhom

minn Sean Fenech

Fl-2024, kien hemm żieda ta’ 3% fir-Rapporti ta’ Tranżazzjonijiet Suspettużi (RTS) mis-sena ta’ qabel, jiġifieri l-2023, skont ir-Rapport Annwali għas-sena 2024 maħruġ mill-Korp tal-Analiżi tal-Intelliġenza Finanzjarja (FIAU).
B’kollox, l-FIAU rċeviet total ta’ 9,430 rapport minn setturi varji. Iżda minkejja diż-żieda, ir-rata taż-żidiet ta’ dawn ir-rapporti minn sena għal sena bdew jonqsu. Fil-fatt, il-korp irċieva 9,157 rapport fis-sena 2023, iżda r-rata taż-żieda fir-rapporti kien 5% fl-istess sena.
Dan terġa’ inqas mir-rati tas-snin ta’ qabel, fejn kien hemm rata’ ta’ 19% fl-2022 u 34% fl-2021. L-ammonti ta’ rapporti f’dawn is-snin kienu 8,740 fl-2022 u 7,323 fl-2021.
Tnaqqis fir-rata taż-żidiet ifisser żieda fl-għarfien
Fir-rapport tagħhom, l-FIAU qalu li dat-tnaqqis fir-rata taż-żidiet huwa evidenza tal-effettività tal-inizjattivi tagħhom, fejn jagħtu l-gwida u jaħdmu biex jintlaħqu n-nies.
Fil-fatt, il-korp ippubblika tmien dokumenti ta’ gwida fl-2024. Barra minn hekk, kien hemm parteċipazzjoni qawwija fis-sessjonijiet ta’ taħriġ li offriet l-FIAU, fejn skonthom, “kien hemm involviment f’aktar minn 40 avveniment ta’ partijiet terzi li laħqu ’l fuq minn 4,000 parteċipant.”
Apparti t’hekk, il-korp ospita tliet sessjonijiet ta’ taħriġ iddedikat biex jagħtu aktar appoġġ lill-entitajiet responsabbli fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Dawn l-inizjattivi, qalet l-entità, kienu partikolarment effettivi fis-settur tal-propjetà, fejn kien hemm żieda ta’ 80% fir-rapporti minn das-settur. Iżda qalu li t-titjib fit-taħriġ u ż-żieda fl-appoġġ irriżultaw f’aktar rappurtar f’setturi varji.
Is-setturi bl-aktar ammont ta’ rappurtar
Għaldaqstant, is-settur tal-logħob tal-azzard jibqa’ s-settur bl-akbar ammont ta’ rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettivi. Fil-fatt, ġew irreġistrati 3,670 rapport minn dan is-settur — iktar mid-doppju tas-settur li ġie t-tieni, li huwa s-settur tal-assi finanzjarji virtwali (VFAs).
Iżda dan-numru jirrappreżenta tnaqqis mis-sena ta’ qabel, jiġifieri l-2023, fejn is-settur tal-logħob tal-azzard issottometta 4,205 rapporti. Jiġifieri kien hemm tnaqqis ta’ 535 rapport jew 13%.
Min-naħa l-oħra, is-settur tal-VFAs irreġistra total ta’ 1,751 rapport. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 275 rapport jew 19%, hekk kif fl-2023 kien hemm total ta’ 1,476 rapport.
Fit-tielet post hemm is-settur tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, jiġifieri l-flus li jkollok maħżunin fil-karti bankarji jew fil-mobile. Ir-rapporti minn das-settur ammontaw għal 1,657, żieda ta’ 615-il rapport jew 59% mis-sena 2023, hekk kif ġew irreġistrati 1,042 rapport din is-sena.
Persuni rrappurtati
Mir-rapporti li rċeviet l-FIAU, ġew irrappurtati 18,152 persuna fiżika, li hija żieda ta’ kważi 2,000 persuna mis-sena ta’ qabel, jiġifieri l-2023, fejn ġew irrappurtati 16,165 persuna. F’termini ta’ persentaġġ, din hija żieda ta’ 12%.
Barra minn hekk, ġew irrappurtati wkoll 6,003 entitajiet legali, jiġifieri kumpaniji, istituzzjonijiet, eċċ. Dan-numru jirrappreżenta żieda ta’ 607 entitajiet legali, jew żieda ta’ 11%.
L-FIAU ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li r-rapporti jirrelataw ma’ iktar minn persuna fiżika jew entità legali waħda, u għalhekk, skonthom, dal-fatt “jimmarka titjib fil-kwalità u l-kumplessità tar-rapporti li rċeviet mill-FIAU.”
Reati predikati rrappurtati
Fejn jidħlu t-tipi ta’ reati predikati li ġew irrappurtati, jidher li l-maġġoranza assoluta tar-rapporti kienu marbutin ma’ frodi, hekk kif dawn ammontaw għal 42% tar-rapporti, li jammontaw għal 3,997 rapport. Wara l-frodi, kien hemm 1,368 rapport, jew 15% tat-total tar-rapporti, marbutin ma’ evażjoni tat-taxxa.
Iżda ta’ min jgħid ukoll li fi 48% tar-rapporti kollha, jew 4,481 rapport, ma setgħux jistabbilixxu x’inhu r-reat predikat. Għal min ma jafx, reat predikat huwa tip ta’ reat li jiġġenera l-flus maħmuġin li mbagħad għandhom jiġu maħsulin.
Raġunijiet ewlenin għar-rapporti
Madankollu, is-suspett ewlieni għaliex ġew issottometti r-rapporti kien li ma setgħetx tiġi stabbilita l-oriġni tal-ġid — dawn jirrappreżentaw 39% tar-rapporti kollha, jew 3,689 rapport.
It-tieni l-aktar raġuni l-għaliex ġie sottomess rapport kien għax il-klijent waqaf jikkopera mal-entitajiet responsabbli. B’kollox dawn ammontaw għal 1,906 rapporti jew 20% tar-rapporti kollha.
Ir-raġuni ta’ wara għandha x’taqsam mal-midja: jiġifieri s-suġġetti tar-rapporti, jew persuni b’rabta mas-suġġetti tar-rapporti, huma msemmijin fil-midja għar-raġunijiet il-ħżiena. Dawn b’kollox telgħu għal 1,599 rapport jew 17% tat-total.
Interventi tal-FIAU
Fis-sena 2024, l-FIAU wettqet 187 intervent superviżorju. Dawn huma azzjonijiet biex l-entitajiet li għandhom dmir jirrappurtaw reati finanzjarji jkunu konformi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Eżempji ta’ dawn l-interventi jinkludu eżaminazzjonijiet komprensivi, fejn l-FIAU teżamina s-sistemi kollha mwaqqfin biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; eżaminazzjonijiet immirati, li huma eżaminazzjonijiet simili imma li jiffukaw fuq ċerti aspetti biss; jew anka laqgħat superviżorji fejn l-FIAU tiltaqa’ mal-entitajiet biex tfornihom b’aktar għarfien.
In-numru ta’ interventi għas-sena 2024 jirrappreżenta żieda mis-snin ta’ qabel, fejn fl-2023 il-korp wettaq 146 intervent, 138 intervent fl-2022, u 152 intervent fl-2021.