Il-Ministru Miriam Dalli żżur is-solar farm ta’ Melita fl-Imqabba

Melita laqgħet lill-Ministru Miriam Dalli fis-solar farm tagħha fl-Imqabba, li jipproduċi enerġija nadifa ekwivalenti għal aktar minn 40% tal-konsum tal-kumpanija.

Melita laqgħet lill-Onor. Dr Miriam Dalli, Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, għal żjara fis-solar farm tagħha ta’ 3.5 MWp fl-Imqabba. Il-Ministru ngħatat dawra mal-faċilità minn Harald Roesch, Kap Eżekuttiv ta’ Melita, u Kevin Borg, Head of Customer Operations & AI Deployment.

Is-solar farm jinsab f’barriera li m’għadhiex tintuża u jkopri madwar 24,000 metru kwadru, ekwivalenti għal madwar tliet grawnds tal-futbol u nofs, bi kważi 5,000 pannella fotovoltajka. Matul sena, jiġġenera ammont ta’ elettriku ekwivalenti għal aktar minn 40% tal-konsum tal-elettriku ta’ Melita, jew biżżejjed biex jipprovdi l-elettriku lil madwar 900 dar.

“In-networks tagħna huma parti mill-infrastruttura nazzjonali kritika, u li niżguraw li jibqgħu reżiljenti, effiċjenti u jaħdmu b’enerġija nadifa huwa parti mir-responsabbiltà tagħna lejn Malta,” qal Harald Roesch. “Is-solar farm tal-Imqabba għandu rwol importanti biex nilħqu dan l-għan, flimkien mal-bidla għal vetturi elettriċi fil-flotta tagħna u t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija fl-uffiċċji tagħna. Il-futur ta’ Malta se jkun diġitali, u l-enerġija nadifa għandha rwol importanti f’dan il-proċess.”

Dan il-proġett jagħmel parti mill-pjan usa’ ta’ Melita biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha. Fl-2025, 68% tal-flotta tal-vetturi ta’ Melita kienet elettrika, u l-kumpanija għandha l-għan li żżid dan il-persentaġġ għal 85% sal-aħħar tal-2026. Il-konsum tal-elettriku fl-uffiċċji naqas b’19% mill-2023 ’l hawn.

Peress li l-art hija waħda mill-aktar riżorsi limitati f’Malta, il-bini ta’ dan is-olar farm f’barriera li m’għadhiex tintuża jippermetti żieda fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli mingħajr ma tittieħed art ġdida. Il-proġett ħa diversi snin biex jitwettaq u kien jeħtieġ kollaborazzjoni mill-qrib ma’ diversi partijiet ikkonċernati. Illum qed jipproduċi l-enerġija skont il-projezzjonijiet.

Melita qed tkompli tesplora opportunitajiet oħra biex tiġġenera l-enerġija rinnovabbli tagħha stess hekk kif isiru disponibbli siti adattati.

Għal aktar informazzjoni żur www.melita.com/sustainability

More in Kummer?jali