Il-BOV jirbaħ il-premju ta' WSBI-ESBG għall-inklużjoni u l-Impatt Soċjali

Rikonoxximent internazzjonali miksub Għat-tieni sena konsekuttiva

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Bank of Valletta ġie rikonoxxut għall-‘Eċċellenza fil-Qasam tas-Servizzi Bankarji Inklużivi u l-Impatt Soċjali’ waqt serata ta’ għoti ta’ premjijiet minn WSBI-ESBG. Dan ir-rikonoxximent, mogħti waqt it-tieni edizzjoni ta’ dawn il-premjijiet internazzjonali fit-Tajlandja, jenfasizza l-kontribut tanġibbli tal-Bank lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-World Savings and Retail Banking Institute (WSBI) u l-European Savings Bank Group (ESBG) flimkien jiffurmaw netwerk bankarju internazzjonali li jirrappreżenta lill-banek kummerċjali fuq livell globali permezz ta’ WSBI u fuq livell Ewropew permezz tal-ESBG, b’mod partikolari fi kwistjonijiet relatati mal-politika, ir-regolamentazzjoni, l-inklużjoni finanzjarja u l-operat bankarju responsabbli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia, rċieva l-premju mingħand is-Sur Peter Simon, Kap Eżekuttiv tal-World Savings and Retail Banking Institute. In-nomina tal-BOV iffukat fuq għadd ta’ inizjattivi soċjali mwettqa matul l-2025, li saħħew ir-rwol tal-Bank bħala pilastru ta’ solidarjetà nazzjonali permezz ta’ investiment immirat u sħubijiet fit-tul ma’ bosta għaqdiet mhux governattivi.

L-inizjattivi rikonoxxuti jinkludu l-appoġġ annwali tal-Bank lill-Malta Community Chest Fund Foundation permezz tad-donazzjoni tiegħu lill-Istrina u l-Kampanja BOV Piggy Bank, is-sħubija tiegħu ma’ Richmond Foundation b’appoġġ għall-programmi ta’ l-Ewwel Għajnuna għas-Saħħa Mentali, li laħqu 6,747 student u 441 edukatur madwar Malta u Għawdex, u s-sħubija fit-tul ma’ Hospice Malta, li tappoġġja aktar minn 1,500 familja kull sena. Il-BOV qed jiffinanzja wkoll ir-rinnovazzjoni ta’ sala residenzjali f’St Michael Hospice u jappoġġja l-Programm ta’ Job Shadowing ta’ Hospice Malta. In-nomina enfasizzat ukoll is-sħubija tal-Bank ma’ Julian’s Pathfinder Foundation, li tappoġġja studenti b’ħiliet eċċezzjonali li spiss ma jsibux biżżejjed appoġġ għall-ħtiġijiet tagħhom, permezz ta’ programmi residenzjali, programmi fi gruppi żgħar u oħrajn immexxija minn esperti.

F’kumment dwar dan ir-rikonoxximent, Kenneth Farrugia qal, “Fil-Bank of Valletta, ir-responsabbiltà soċjali mhijiex attività separata mill-ħidma kummerċjali tagħna, iżda parti integrali minn dak li aħna. Dan il-premju jirrikonoxxi l-ħeġġa u d-dedikazzjoni tal-impjegati u s-sħab tagħna, li jkomplu jiddedikaw il-ħin, il-ħiliet u l-enerġija tagħhom għal inizjattivi li jagħmlu differenza sinifikanti fil-ħajja tal-membri vulnerabbli tas-soċjetà. Il-fatt li qed nirċievu dan il-premju għal darb’oħra jagħtina kuraġġ u jsaħħaħ il-konvinzjoni tagħna li bidla sinifikanti tinkiseb permezz ta’ impenn fit-tul. Matul is-snin, komplejna nwessgħu l-appoġġ tagħna lill-komunitajiet permezz tal-volontarjat, il-filantropija u sħubijiet strateġiċi. Il-Fondazzjoni BOV tkompli taqdi rwol ewlieni fl-isforzi usa’ tal-Bank fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali, billi tikkumplimenta l-ħidma tat-tim tagħna għar-responsabbiltà soċjali korporattiva u tappoġġja inizjattivi li jindirizzaw il-ħtiġijiet reali tal-komunità.”

Ir-rapport sħiħ SDG 2026 huwa disponibbli fuq https://www.wsbi-esbg.org/wp-content/uploads/2026/10/SDG-2026.pdf

More in Kummer?jali