It-fergħa MEDIA tal-programm Ewropa kreattiva toffri opportunitajiet għat-talent kreattiv Malti

Creative Europe Desk Malta qed iħeġġeġ lill-produtturi tal-films, lill-iżviluppaturi tal-logħob u lill-professjonisti awdjoviżivi Maltin japplikaw għal ħames sejħiet ġodda ta’ finanzjament Ewropew għall-2027, b’appoġġ għall-iżvilupp u l-kollaborazzjoni internazzjonali ta’ proġetti kreattivi.

Il-produtturi tal-films lokali, l-iżviluppaturi tal-logħob, u l-professjonisti awdjoviżivi kreattivi qed jiġu mħeġġa japplikaw għal rawnd ġdid ta’ finanzjament Ewropew hekk kif il-fergħa MEDIA tal-Programm Ewropa Kreattiva fetħet uffiċjalment is-sejħiet għal finanzjament tagħha għas-sena 2027. Dan il-finanzjament jgħin lit-talent Malti fl-oqsma kulturali u kreattivi billi jipprovdi appoġġ internazzjonali, joffri kollaborazzjoni transfruntiera, u jagħti appoġġ għall-iżvilupp ta’ proġetti innovattiva.

Il-programmi ta’ finanzjament huma mfassla biex jappoġġjaw firxa wiesgħa ta’ setturi awdjoviżivi, inklużi l-logħob tal-vidjo narrattiv, it-teknoloġija immersiva, id-distribuzzjoni tal-films, il-produzzjoni televiżiva, u l-produzzjoni ta’ films dokumentarji. B’diversi skadenzi għall-applikazzjonijiet li jestendu għall-bidu tas-sena d-dieħla, l-operaturi fis-settur lokali kulturali u kreattiv lokali għandhom opportunità unika biex jiżguraw appoġġ finanzjarju sabiex iwasslu l-proġetti tagħhom minn kunċett għall-udjenzi globali.

L-opportunitajiet ta’ finanzjament ewlenin huma:

  • European Slate Development: Din is-sejħa tappoġġja l-iżvilupp ta’ 3 sa 5 xogħlijiet kollaborattivi (skadenza: l-1 ta’ Diċembru 2026).
  • Innovative Tools & Business Models: Sejħa li iffoka fuq it-tkabbir tal-udjenza, l-għodod diġitali, u l-inizjattivi ta’ ekoloġizzazzjoni (skadenza: l-14 ta' Jannar 2027).
  • Video Games & Immersive Content Development: Finanzjament iddedikat għal-logħob vidjo narrattiv u proġetti interattivi (skadenza: it-2 ta' Frar 2027).
  • TV and Online Content:  Finanzjament indirizzat lejn it-televiżjoni u proġetti online b’appoġġ għax-xandir jew għall-video-on-demand (skadenza: l-10 ta' Frar 2027).
  • European Co-Development: Sejħa li tappoġġja l-animazzjoni, id-drama, jew id-dokumentarji koprodotti għaċ-ċinema jew għall-pjattaformi diġitali (skadenza: it-3 ta’ Marzu 2027).

It-tim ta’ Creative Europe Desk Malta għandu rwol vitali biex jgħin lill-applikanti Maltin jidentifikaw liema sejħa hija l-aktar relevanti għalihom hekk kif jipprovdi assistenza personalizzata u individwali, filwaqt li jorganizza sessjonijiet ta’ informazzjoni, u jipprovdi opportunitajiet ta’ networking internazzjonali. L-assistenza tingħata bla ħlas u tiġi pprovduta kemm online kif ukoll fl-uffiċċju nazzjonali tad-Desk li jinsab fil-Belt Valletta.

Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tad-Desk fuq www.creativeeuropemalta.mt jew ikkuntattja lir-rappreżentant tal-fergħa MEDIA fuq [email protected].

More in Kummer?jali